Il-Brażil kisbu rebħa konvinċenti ta’ 4-0 kontra ċ-Ċile fil-fażi ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fil-Amerika t’Isfel. Il-Brażil fetħu l-iskor fl-44 minuta meta mill-ħdax-il metru kien Neymar li għeleb lil goalkeeper Claudio Bravo. Minuta wara kien Vinicius Jr. li skorja l-ewwel gowl tiegħu mat-tim nazzjonali Brażiljan. Is-Selecao skorjaw it-tielet gowl tagħhom fit-72 minuta meta mill-ħdax-il metru din id-darba kien Philippe Coutinho li xeħet fix-xibka għal 3-0. Fl-aħħar minuti il-Brażil għalqu l-partita bir-raba’ gowl meta Bruno Guimaraes għadda lejn Richarlison li tefa’ fix-xibka għal 4-0.
Il-Kolumbja kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq il-Bolivja biex żammew it-tamiet tagħhom ħajjin li jagħmluha għat-Tazza tad-Dinja f’Diċembru. Il-Kolumbja fetħu l-iskor fid-39 minuta meta minn pass ta’ Juan Cuadrado kien l-attakkant ta’ Liverpool Luis Diaz li kkonkluda fix-xibka għal 1-0. Huma rdoppjaw fit-72 minuta permezz ta’ Miguel Borja qabel fid-90 minuta kien Mateus Uribe li xeħet fix-xibka għal skor finali ta’ 3-0.
L-Urugwaj ikkonfermaw posthom fit-Tazza tad-Dinja tal-2022 meta għelbu lil Peru bl-iskor ta’ 1-0. Il-gowl uniku tal-partita kien skorjat fit-42 minuta meta kien Giorgian De Arrascaeta li għeleb lil Pedro Gallese.
FAŻI TA’ KWALIFIKAZZJONI GĦAT-TAZZA TAD-DINJA
Ilbieraħ: Brażil v Ċile 4-0, Kolumbja v Bolivja 3-0, Paragwaj v Ekwador 3-1, Urugwaj v Peru 1-0
//= $special ?>