Elezzjoni 2022 Lokali

Se tintuża għall-ewwel darba s-sistema l-ġdida waqt Elezzjoni Ġenerali

Għall-ewwel darba f’pajjiżna, f’Elezzjoni Ġenerali, ser tkun qed tintuża’ sistema ġdida għall-għadd tal-voti. Sistema li min qed isegwi mid-dar, ftit li xejn jista’ jkollu informazzjoni minnha, matul il-jum tal-Ħadd meta fiċ-ċentru tal-għadd voti jibda l-proċess kmieni filgħodu – proċess li jibda jintensifika fid-9am – bir-riżultat uffiċċjali mistenni joħroġ b’mod sħiħ tard wara nofsinhar.

Waqt laqgħa mal-mezzi tax-xandir, il-Kummissjoni Elettorali spjegat numru ta’ dettalji fosthom li s-Sibt, 26 ta’ Marzu, il-votazzjoni tibda fis-7am u tagħlaq fl-10. Sabiex tivvota, trid tieħu miegħek id-dokument uffiċjali tal-vot maħruġ mill-Kumissjoni Elettorali.

Ser ikun hemm total ta’ 742 kaxxa ta’ votazzjoni imqassma f 116 –il centru madwar Malta u Għawdex. Kull min imur jivvota jrid jilbes maskra iżda hu rakomandat li inizzel il-maskra waqt li qed tinġabar il-ballot paper qabel tivvota. Il-Kummissjoni Elettorali avżat li ħadd ma jista’ jieħu ritratti tal-vot, għaliex dan huwa ksur serju tal-liġi u l-pulizija tieħu passi.

Din id-darba b’differenza, hemm ukoll 7 ċentri speċjali tal-COVID fejn persuna pożittiva għall-virus jew fi kwarantina obligatorja tista’ tivvota. Dawn jinsabu, f’Ħal Far, Pembroke, MCAST Raħal Ġdid. Lifesciences Park San Ġwann, Smart City, Ta’ Qali, u Għawdex. Dan apparti ċentru ieħor f’Mater Dei li jintuża’ biss minn pazjenti fl-isptar. Dawn il-voti ser jingħaddu f’kamra opposta li ntramat fin-Naxxar fejn il-persuni li jmissu l-voti jkun lebsin ilbies protettiv. Il-persuni eleġibbli biex jivvutaw f’dawn iċ-ċentri ser ikunu kkuntatjati mill-Kummissjoni Elettorali wara li l-awtorijiet tas-saħħa jgħaddu d-dettalji ta’ min għandu l-virus u min hu fi kwarantina. It-total ta’ dawn il-persuni hu ta’ aktar minn 4,000 persuna.

Intant, wara l-proċess tal-votazzjoni tas-Sibt li jintemm fl-10 ta’ filgħaxija. Issir rikonċiljazzjoni fil-post, qabel il-kaxxi jitwasslu fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti. Dan il-proċess jista’ jibqa’ sejjer sas-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu. Il-Ħadd, bejn is-7 u 8 ta’ filgħodu, kull vot jinqaleb wiċċu l-isfel u jsir il-wiri tal-voti, qabel ma jibda l-proċess diġitali tal-iscanning. Kif jitlesta l-iscanning, is-sitema tikkalkula r-riżultati tal-partiti u tal-kandidati. Minn hawn, il-pubbliku jrid jistenna numru ta’ sigħat qabel il-konferma u l-pubblikazzjoni tar-riżultati, li sa dak il-ħin ħadd mhu se jkun rahom. Dan minkejja li jista’ jagħti l-każ li jkun hemm indikazzjonijiet ta’ liem partit ikun rebaħ l-elezzjoni.