Lokali

Żvelat il-proġett ta’ Joe Debono, “Culture on Wheels”

Joe Debono, li kien magħruf għall-karattru satiriku ta’ James Bondin li kien jinterpreta waqt il-programm Xarabank fuq Television Malta u kien ukoll gwida tat-turisti, baqa’ jaħdem sa l-aħħar biex jgħin u jferraħ lil ħaddieħor. Debono li kien miet fis-27 ta’ Ottubru 2021 bil-marda tal-ALS, ried li jagħmilha aktar faċli għall-persuni li għandhom diffikulta’ ta’ mobilta’ sabiex iżuru postijiet kulturali fil-gżejjer Maltin.

Kien b’hekk, li ġie krejat il-programm tal-‘Culture on wheels’, bl-għan li tingħata din l-opportunita li dawk li għandhom diffikulta’ ta’ mobilta’.

B’dan il-proġett ‘Culture on Wheels’, Joe ħaseb sabiex jorganizza tours u jipprovdi servizzi  bħal trasport, wheelchairs, u carers, u jkun hu l-gwida minn fuq is-siġġu tar-roti. Iżda sfortunatament dan ma setax iseħħ. Għalkemm Joe mexxa l-proġett sakemm beda’, bis-saħħa ta’ sħabu dan il-proġett seta jitkompla.  Dan ser ikun servizz li ser jingħata b’xejn lil persuni ta’ kull eta’ li qegħdin f’ wheelchair minħabba mard, anzjanita’ jew korriment.  L-ewwel vjaġġ bi prova sar is-sena l-oħra meta Joe Debono kien għadu magħna.  Fit-18 ta’ Settembru ftit jiem qabel il-maratona, r-residenti ta’ DAR Bjorn kienu l-ewwel nies li attendew vjaġġ ma’ Joe Debono fil-Belt Valletta.  Nistgħu ngħidu li kien vjaġġ suċċess.

Proprju xahrejn biss il-bogħod minn għeluq snin Joe, Illum il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu 2022, l-ALS Malta+ varat uffiċċjalment l-proġett ‘Culture on Wheels’.  Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-‘Malta Council for the Voluntary Organisations’ taħt l-iskema VOPs. 

Waqt l-attivita’ li ġiet organizzata ġewwa l-Imdina, ingħata ġieħ mistħoqq lil Joe Debono, fejn il-familja u ħbieb ta’ Joe tkellmu dwar ir-rieda li kellu li jkompli jgħin lil ħaddieħor għalkemm fis-siġġu tar-roti, u dwar l-benefiċċji ta’ dan il-proġett innovattiv għal Malta.

Bjorn Formosa, l-fundatur ta’ ALS Malta+, semma kemm hu kburi b’ dan is-servizz ġdid li qed jingħata fil-komunita’, u saħaq dwar il-bżonn li l-ALS Malta+ tibqa’ tiġi mejjgħuna sabiex tkompli ttejjeb il-ħajja ta’ persuni li għandhom il-kundizzjoni ta’ l-ALS jew kundizzjonijiet oħrajn simili li jfixklu l-moviment tal-persuna.  Bjorn fakkar ukoll fil-maratona li ser issir fil-25 ta’ Settembru (sitt xhur oħra) biex jinġabru flus ħalli proġetti bħal dawn ikunu jistgħu jsiru.

Tags