Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja tista’ qed ‘tammetti għal disfatta’…xahar wara l-invażjoni

Żdiedu s-sinjali li r-Russja tista’ qed tammetti ‘telfa’ b’mod indirett u fost l- istqarrijiet li ‘spiċċat’ l-ewwel fażi tal-kampanja militari fl-artijiet tal-Ukrajna.

Wara li l-President Russu, Vladimir Putin, xahar ilu, kien kważi konvint li l-Ukrajna kellha taqa’ lill-qawwiet tiegħu ‘f’anqas minn 48 siegħa’, il-media Russa, issa, qed tgħid li l-Armata ta’ Moska għandha tikkonċentra fuq ir-reġjun tad-Donbas, fejn is-separatisti favur ir-Russja ilhom is-snin jiġġieldu kontra l-qawwiet tal-Gvern Ukren.

U waqt li l-militar tar-Russja għadu mhux juri xi progress notevoli f’diversi fronti tal-gwerra, l-uffiċjali tal-Punent jemmnu li l-aħħar stqarrijiet minn Moska huma intiżi biex jaħbu l-livell tad-disfatta militari għal Putin u l-Kremlin.

Sadanittant – u minkejja li numru ta’ bliet Ukreni għadhom taħt bumbardament feroċi mill-qawwiet ta’ Putin – żdiedu, fl-aħħar sigħat, is-sinjali konkreti li falliet bil-kbir l-istrateġija ta’ qabel l-invażjoni min-naħa tal-President Russu u l-kollegi tiegħu f’Moska.