Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-Armata Russa tkompli titlef il-Ġenerali

Il-Ġeneral  Yakov Rezantsev  hu l-aħħar isem f’lista twila ta’ Ġenerali u uffiċjali militari ewlenin tar-Russja li tilfu ħajjithom waqt l-attakki mill-art fuq l-ibliet tal-Ukrajna.

Ir-rapporti qalu li Rezantsev inqatel waqt kontrattakk mil-qawwiet Ukreni viċin il-belt ta’ Kherson, lejn in-naħa t’isfel tal-Ukrajna.L-attakk ikkonċentra fuq il-bażi tal-ajru ta’ Chornobaivka li r-Russja qed tuża bħala ‘ċentru għall-koordinament tal-azzjonijiet militari’ u li issa qed tisfa attakkata diversi drabi mill-Ukreni.

Intant, Rezantsev kien jikkmanda d-49 Armata tal-qawwiet Russi u l-uffiċjali tal-Punent qed jgħidu li hu sar is-seba’ Ġeneral tal-Kremlin li tilef ħajtu waqt l-offensiva tar-Russi fl-Ukrajna.

Il-fatt li qed jinqatlu daqstant uffiċjali għoljin tal-Armata Russa qed ikun attribwit għall-moral baxx fost is-suldati Russi – bis-sitwazzjoni qed iġġiegħel lill-ogħla kmandanti Russi javviċinaw iz-zoni tal-gwerra.