Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden jemmen li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed iħossu ‘sorpriż ħafna’ li ma rnexxilux jifred lill-alleati tan-NATO li ħarġu reazzjoni komuni ta’ stmerrija u kundanna għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin….Dan ukoll waqt li l-Istati tan-NATO qed jipprovdu lill-Ukreni bit-tagħmir kollu neċessarju — inkluż ta’ tip militari — biex jirreżistu l-invażjoni ta’ pajjiżhom.
Biden qal li Putin — minbarra li qed isegwi d-disfatti għat-truppi tiegħu madwar Kiev u bnadi oħra tal-Ukrajna — ‘lagħab karta ħażina’ għaliex seta’ ħass li, bl-invażjoni tal-Ukrajna, kellu joħloq anki d-diżgwid bejn il-pajjiżi tan-NATO. Il-ħsieb ta’ Putin, skont Biden, seta ibbaża fuq l-istorja ta’ xi pajjiżi membri tan-NATO li r-relazzjonijiet tagħhom, fil-passat, għaddew minn żmenijiet diffiċli.
Il-President tal-Istati Uniti kompla li l-għaqda fost il-pajjiżi tan-NATO hi l-aqwa arma kontra dittaturi bħal Putin u li l-istorja uriet l-importanza tal-politika Amerikana li ma tippermettix li l-Istati Uniti ‘tibqa’ wara l-kwinti’ fid-drabi li jinqala’ konflitt fl-Ewropa.
//= $special ?>