Internazzjonali Lokali

Il-President Ukren ma jħossx li għandu biżżejjed appoġġ mill-Gvern Malti dwar is-sħubija fl-UE

Jidher li l-Gvern Malti għadu mhux jagħti l-appoġġ kollu lill-Ukrajna biex il-pajjiż jissieħeb b’mod sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Kixef dan il-fatt, il-President Ukren Volodymyr Zelensky f’indirizz virtwali li għamel matul il-Kunsill Ewropew li nżamm ilbieraħ, fejn spjega kronoloġija tas-sitwazzjoni bejn pajjiżu u r-Russja.

Fid-diskors tiegħu, Zelensky faħħar l-għaqda li ssaħħaħ lill-Unjoni Ewropea u anke l-appoġġ li jħoss li pajjiżu għandu minn diversi Stati Membri, fosthom il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija u l-Kroazja. Barra minhekk, hu rringrazzja lill-Italja u lill-Prim Ministru Mario Draghi, li diġà ddikjara l-appoġġ tal-pajjiż b’mod pubbliku.

Madankollu, meta semma’ lil Malta, il-President Ukren wera kif iħoss li l-appoġġ għadu lura. Tant hu hekk, li qal li ma’ dawn il-pajjiżi, “jemmen li jistgħu jaslu”. Minbarra l-Gvern Malti, Zelensky ma jħossx li għandu biżżejjed appoġġ lanqas minn pajjiżi oħrajn bħad-Danimarka u Spanja.