Futbol Sport

Jispikkaw ir-rebħiet tal-Ingilterra, l-Olanda u Spanja

(Ritratt: EPA)

F’Wembley Stadium, l-Ingilterra kisbu rebħa missielta ta’ 2-1 fuq l-Iżvizzera f’partita ta’ ħbiberija. L-Iżvizerra fetħu l-iskor fit-22 minuta meta minn cross ta’ Xherdan Shaqiri kien Breel Embolo li għola tajjeb bir-ras u xeħet il-ballun fix-xibka għal 1-0. L-Ingilterra kisbu d-draw minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn cross ta’ Conor Gallagher kien Luke Shaw li b’xutt minn tard il-kaxxa għeleb lil Jan Sommer għal 1-1. L-Ingilterra ingħataw penalty fit-78 minuta meta Steven Zuber deher imiss il-ballun b’idu wara daqqa ta’ ras ta’ Marc Guehi. Mill-ħdax-il metru il-captain Harry Kane ma żbaljax għat-48 gowl tiegħu mat-tim nazzjonali Ingliż.

Fl-Aviva Stadium il-Belġju u l-Irlanda temmew fi draw ta’ 2-2. Il-Belġju fetħu l-iskor fit-12-il minuta meta minn pass ta’ Hans Vanaken kien Michy Batshuayi għal 1-0. L-Irlanda irreġixxew fil-35 minuta meta minn azzjoni ta’ Jason Knight, kien Chiedozie Ogebene li xeħet fix-xibka għal 1-1. Fit-58 minuta il-Belġju għal darb’oħra reġgħu marru fil-vantaġġ meta minn corner ta’ Thorgan Hazard kien Hans Vanaken li bir-ras xeħet fix-xibka għal 2-1. Iżda l-Irlanda kisbu l-gowl tad-draw fil-85 minuta meta minn pass ta’ Chiedozie Ogbene kien Alan Browne li kkonkluda fix-xibka wara Simon Mignolet għal 2-2.

Il-finalisti tat-Tazza tad-Dinja tal-2018, il-Kroazja temmew fi diżappuntanti ta’ 1-1 kontra l-Islovenja. Fid-39 minuta il-Kroati marru fil-vantaġġ meta Duje Caleta-Car għadda lejn Andreh Kramaric li xeħet fix-xibka għal 1-0. L-Islovenja kellhom jistennew sad-90 minuta meta biex jiksbu l-goal tad-draw meta minn azzjoni ta’ Benjamin Verbic kien Jake Bijol li kkonkluda fix-xibka għal 1-1.

Fl-RCDE Stadium f’Barċellona, Spanja kisbu rebħa ta’ 2-1 kontra l-Albanija. Huma kellhom jistennw sal-75 minuta meta minn pass ta’ Yeremi Pino kien l-attakkant ta’ Barcelona Ferran Torres li xeħet fix-xibka għal 1-0. Għaxar minuti wara l-Albanija kisbu d-draw fil-85 minuta meta Myrto Uzuni li approfitta minn żball ta’ Pau Torres li bir-ras għeleb lil David Raya għal 1-1. Iżda fid-90 minuta kienu Spanja li skorjaw il-gowl tar-rebħa meta minn cross ta’ Jordi Alba kien Daniel Olmo li kkonkluda wara Etrit Berisha. Din il-partita kienet ikkontrollata mir-referee Malti Trustin Farrugia Cann, bit-terna arbitrali tkun magħmula wkoll mill-assistenti referees Luke Portelli, Duncan Sultana u Fyodor Zammit.

Fil-Johan Cruyff Arena l-Olanda kisbu rebħa ta’ 4-2 fuq id-Danimarka. Kienu l-Olanda li fetħu l-iskor fis-16-il minuta meta minn cross ta’ Daley Blind kien Steven Bergwijn li bir-ras xeħet fix-xibka għal 1-0. Erba’ minuti wara id-Danimarka kisbu d-draw meta din id-darba kien Joakim Maehle li għadda lejn Jannik Vestergaard li tefa’ ġewwa għal 1-1. L-Olanda irreaġixxew u fid-29 minuta kisbu d-draw meta minn cross ta’ Steven Berghuis kien Nathan Ake li xeħet wara Kasper Schmeichel għal 2-1. Għaxar minuti wara huma skorjaw it-tielet gowl tagħhom meta mill-ħdax –il metru kien l-attakkant ta’ Barcelona Memphis Depay li kkonkluda fix-xibka. Fit-48 minuta, mument mill-isbaħ għall-partitarji kollha tal-futbol, meta minuta biss wara li rritorna fil-ground kien Christian Eriksen li skorja it-tieni gowl tad-Danimarka għal 3-2. Madanakollu l-Olanda għalqu l-partita fil-71 minuta meta minn pass ta’ Frenkie De Jong kien Steve Bergwijn li assigura mir-rebħa Olandiża.

Il-Ġermanja ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 fuq Iżrael . Huma marru fil-vantaġġ fis-36 minuta meta kien corner ta’ David Raum li sab lil Kai Havertz li bir-ras xeħet fix-xibka għal 1-0. Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima il-Ġermanja rdoppjaw meta minn freekick ta’ Ilkay Gundogan kien Timo Werner li rreaġixxa qabel kulħadd u tefa’ fix-xibka għal 2-0. Fid-89 minuta Sun Menachem li waqqa’ lil Lukas Nmecha bir-referee jordna penalty. Thomas Muller inkariga ruħu mill-ħdax-il metru iżda l-konklużjoni tiegħu ħabtet mal-lasta, għal skor finali ta’ 2-0.

PARTITI TA’ ĦBIBERIJA

Illum: Kroazja v Slovenja 1-1, Finlandja v Iżlanda 1-1, Gibilta’ v Gżejjer Faroe 0-0, Irlanda v Belġju 2-2, Ingilterra v Żvizzera 2-1, Spanja v Albanija 2-1, Ġermanja v Iżrael 2-0, Olanda v Danimarka 4-2