Internazzjonali

L-Afganistan: Protesti biex jinfetħu l-iskejjel għall-bniet

Numru ta’ nisa, b’kuraġġ kbir, ħarġu jipprotestaw quddiem il-Ministeru Afgan għall-Edukazzjoni mmexxi mit-Taliban fejn insistew biex jerġgħu jinfetħu l-iskejjel sekondarji tal-bniet.

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban, li fis-sajf ħadu lura l-kontroll tal-Afganistan wara 20 sena, huma kontra l-edukazzjoni għall-bniet u tfajliet Afgani. Dan waqt li n-nisa li ħarġu jipprotestaw insistew dwar id-dritt għall-edukazzjoni, fil-preżenza tat-Talibani armati fl-inħawi.

It-Taliban, fl-aħħar jiem, spiċċa mira ta’ kundanna qawwija wara li  kkonferma l-għeluq tal-iskejjel sekondarji tal-bniet f’deċiżjoni li ssemmiet bħala u-turn. L-għeluq tal-iskejjel, fil-fatt, seħħ ftit sigħat qabel l-istudenti adolexxenti kienu bdew jaslu għall-bidu tas-sena akkademika ġdida – fost stqarrijiet mit-Taliban li kien qed jitlesta pjan komprensiv u Iżlamiku għal dawn l-istudenti.

U filwaqt li t-Taliban huma magħrufa għall-metodi brutali li jużaw biex iwaqqfu d-dimostrazzjonijiet f’Kabul u bliet oħra, in-nisa involuti f’din il-protesta, b’sorpriża kbira, tħallew isemmgħu leħinhom sal-aħħar.