Mat-tokki tas-7am f’pajjiżna fetħu 742 polling booth f’116-il post tal-votazzjoni fit-tlettax-il Distrett Elettorali madwar Malta u Għawdex.
Il-votazzjoni tal-lum hija prattikament il-qofol tal-proċess demokratiku tal-għażla tal-Gvern ….minn dawk li huma eliġibbli li jivvutaw. Gvern li se jkun mgħobbi bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin.
F’din l-elezzjoni ġenerali huma madwar 340,000 il-persuni li għandhom dritt jivvutaw. Dan wara li 14,473 persuna baqgħu ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom.
Id-Distrett bl-akbar numru ta’ votanti huwa t-13-il Distrett jiġifieri Għawdex fejn hemm 30,898 votant eliġibbli.
Id-Distrett bl-iżgħar numru ta’ votanti huwa l-ewwel Distrett… dak li jinkorpora l-Belt Valletta, il-Furjana, il-Ħamrun, il-Marsa, Tal-Pietà u Santa Venera b’25,731 votant.
Jekk ma jkunx hemm ċirkustanzi straordinajri… il-votazzjoni tgħalaq fl-10.00 ta’ filgħaxija fil-polling booths kollha.
Mal-għeluq, jibda l-proċess tar-rikonċiljazzjoni fil-postijiet tal-votazzjoni. L-Assistenti Kummissjonarji Elettorali f’dan il-proċess jaraw li jqabblu ċ-ċifri tal-voti mitfugħha mad-dokumenti tal-voti miġbura. Kif jintemm dak il-proċess imbagħad, l-AECs imorru bil-kaxxi tal-voti u d-dokumentazzjoni kollha marbuta ma’ mal-proċess elettorali.
Il-kaxxi kollha mil-polling booths kollha jitwasslu fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar… fejn hemmhekk tibda fażi oħra tal-proċess – issir rrikonċiljazzjoni mal-ballot paper account…. U l-kaxxi jitpoggew fl-istrong room.
Fl-10.00pm meta jintemm il-ħin allokat għall-votazzjoni fil-polling booths… fin-Naxxar, fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti jibdew jinfetħu l-ewwel kaxxi tal-voti… dawk tal-elezzjoni bikrija tas-Sibt kif ukoll ta’ nhar it-Tlieta u l-Ħamis.