Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-rawnd tan-negozjati li jmiss se jsir fit-Turkija

Ir-rawnd li jmiss tan-negozjati għall-paċi li jridu jsiru wiċċ-imb-wiċċ bejn ir-rappreżentanti tal-Ukrajna u r-Russja għandu jibda fit-Turkija minn għada t-Tnejn.

Intant, in-negozjaturi Ukreni qalu li dawn it-taħditiet se jkomplu sa nhar l-Erbgħa u meta ftit qed jaraw tamiet għal progress wara li l-Ukreni fissru t-taħditiet preċedenti mar-Russja ( mill-bidu tal-invażjoni) bħala ‘ferm diffiċli’.

L-ewwel rawnd tan-negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi kienu seħħew fil-Belarus, li hu alleat tar-Russja.

Madankollu, it-Turkija kellha parti kbira fit-tentattivi diplomatiċi lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna u wara aktar kmieni fix-xahar iltaqgħu għal taħditiet f’Antalya il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, l-Ukrajna u t-Turkija.