Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-attenzjoni qed iddur fuq ir-reġjun tad-Donbas

L-aħbar mir-Russja li l-qawwiet tal-Kremlin, minn issa, se jikkonċentraw fuq ‘il-liberazzjoni tar-reġjun tad-Donbas ( fl-Ukrajna)’ jindika li Moska spiċċat kostretta li tibdel l-istrateġiji oriġinali ta’ qabel l-invażjoni tal-artijiet Ukreni, fl-24 ta’ Frar.

Fl-istess ħin, din il-fażi ġdida tal-kampanja militari x’aktarx li tfisser li r-Russi se jagħmlu sforzi akbar biex javvanzaw ‘il hinn mil-‘linja ta’ kuntatt’ li tissepara l-artijiet taħt il-kontroll tal-Gvern Ukren mir-‘repubbliki tal-poplu’ tas-separatisti alleati ma’ Moska fil-lvant tal-Ukrajna.

B’hekk, l-hekk-imsejħa repubbliki ta’ Donetsk u Luhansk, fil-jiem li jmiss, kapaċi jinkwadraw bi prominenza f’dan il-konflitt. Iżda l-indikazzjonijiet qed jikbru li l-Kremlin ta’ Moska — u l-President tar-Russja Vladimir Putin – huma ‘konxji’ mill-fatt li l-invażjoni tal-Ukrajna falliet fl-iskopijiet prinċipali.  

L-uffiċjali tal-Punent fl-aħħar jiem qablu li r-Russi qegħdin jindunaw li ma jistgħux jippersistu bil-gwerra fuq diversi fronti tal-Ukrajna u wara li huma tilfu ‘ammonti terribbli’ ta’ suldati, tankijiet u karrijiet armati.

L-indikazzjonijiet, issa, huma li r-Russja qed taħseb biex tibgħat numru ta’ battaljuni fl-artijiet tad-Donbas bil-ħsieb li dawn jissuperaw lill-qawwiet Ukreni f’dik iz-zona.

Dan meta l-Punent ilu jinkwieta li r-Russja qed taħseb biex tiċċirkonda l-aħjar taqsimiet militari tal-Armata Ukrena li huma stazzjonati madwar it-territorju kruċjali magħruf bħala ‘il-linja ta’ konflitt’.

Għaldaqstant, l-Ukreni qed jittamaw li l-provvista regolari ta’ armi mill-Punent lill-qawwiet ta’ Kiev għandha tgħin mhux ħażin biex jinżamm il-bilanċ militari fid-Donbas.