Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Putin jibqa’ isostni l-impenn għal ‘denażifikazzjoni’

Filwaqt li l-aġenda wara l-invażjoni tal-Ukrajna mhix magħrufa f’termini espliċiti, il-President Russu Vladimir Putin għadu qed fisser l-iskopijiet ta’ wara l-invażjoni bħala ‘id-demilitarizzazzjoni’ u ‘id-denazifikazzjoni’ tal-Ukrajna.

Dan waqt li Putin u l-Kremlin qed jippruvaw ipittru lill-President Ukren Volodymyr Zelensky u l-Gvern ta’ Kiev bħala ‘ġunta ta’ neo-Nażisti li qed toqtol il-miljuni tan-nies waqt ġenoċidju ta’ ċittadini (fl-Ukrajna) li jitkellmu bir-Russu.

Dawn l-akkużi ma għandhom l-ebda bażi fir-realtà – bil-President Ukren Volodymyr Zelensky u l-Punent isostnu li l-allegazzjonijiet minn Moska huma sempliċi ‘ skuża għal Putin biex jipprova jiġġustifika l-gwerra bla sens fl-Ukrajna’.

Fl-aħħar sigħat, it-truppi Russi li pruvaw jiċċirkondaw il-belt ta’ Kiev (il-kapitali Ukrena) kienu sfurzati jirtiraw quddiem il-furja tat-truppi Ukreni. U wara li kienu ħatfu xi bliet lejn il-majjistral ta’ Kiev, il-qawwiet ta’ Putin, issa, qegħdin jaqgħu lura mit-territorji li kienu jokkupaw sa ftit ilu – bil-militar Ukren, issa, qed jipprova jiċċirkonda lill-eluf tas-suldati Russi.