Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Tuna l-armi biex niddefendu l-libertà fl-Ewropa’

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, waqt diskors imqanqal lill-pajjiżi tal-Punent, appella mill-ġdid biex dawn il-pajjiżi jipprovdu lill-Ukreni b’ ajruplani, tankijiet tal-gwerra u sistemi ta’ difiża għal kontra l-missili biex huma jiddefendu ruħhom aħjar kontra l-invażjoni tal-qawwiet Russi.

F’dan id-diskors – trasmess b’videolink – Zelensky sostna li l-armamenti ta’ ċertu kalibru li kapaċi jiddefendu l-ħelsien fl-Ewropa ‘bħalissa qegħdin jiġbru t-trab’ minflok ma jgħinu għal din id-difiża. Hu ilmenta li l-ajruplani tal-gwerra tar-Russja li qegħdin jibbumbardjaw kontinwament l-ibliet tal-Ukrajna ‘ma jistgħux jitwaqqgħu bis-sempliċi sparar ta’ machine-guns’.

Zelensky anki deher irrabjat  għal dak li fisser bħala ‘nuqqas ta’ azzjoni diretta’ mill-Alleanza tan-NATO.

‘X’qed tagħmel in-NATO…???  Possibbli li din l-alleanza qed titmexxa mir-Russja?’ staqsa Zelensky, filwaqt li fakkar li l-invażjoni ta’ pajjiżu issa għalqet 31 jum u li l-Ukrajna ‘qed titlob biss wieħed fil-mija tal-armamenti li għandha n-NATO.’

Il-Prim Ministru tas-Slovakkja, Eduard Heger, ftit wara d-diskors ta’ Zelensky, ikkonferma li pajjiżu hu lest biex jibgħat is-sistemi tiegħu ta’ difiża għal kontra l-missili lill-Ukrajna f’każ li s-Slovakki jsibu ‘sostituzzjoni’ għal dawn id-difiżi.