Lokali

“Il-prezzijiet qed jisparaw ‘il fuq…u l-affarijiet se jmorru għall-agħar”

Mistennija aktar żidiet fil-prezzijiet ta' affarijiet bażiċi tal-ikel

Il-prezzijiet ta’ għadd kbir ta’ materji użati fil-manifattura sparaw ‘il fuq. Effattwati ħafna materja prima li tintuża fil-manifattura ta’ prodotti tal-ikel, b’żidiet sa’ 400% jew erbat darbiet aktar il-prezz sa ftit tax-xhur ilu.

Artiklu fis-Sunday Times of Malta tkellem ma’ numru ta’ persuni li jaħdmu fil-manifattura ta’ pajjiżna, fosthom dawk li jaħdmu fil-produzzjoni tal-gallettini u oħrajn li jagħmlu l-pakketti tal-isnacks.

Dawn qalu li ż-żidiet fil-prezzijiet sa issa kienu qegħdin jippruvaw jassorbuhom huma, madankollu l-ispejjeż issa tant splodew li minn issa ‘l quddiem mhux se jkunu jistgħu ibatu huma l-qabża fil-prezzijiet. Huma qalu li l-prezzijiet diġà splodew ‘il fuq, u l-affarijiet se jmorru għall-agħar u mhux għall-aħjar.

L-invazjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna kellha impatt devastanti fuq il-prezzijiet ta’ materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-ikel – il-qamħ, il-qamħirrun, iż-żejt u ħafna prodotti oħrajn. Teżisti wkoll ir-realtà fejn pajjiżi li jipproduċu l-materja prima qed iżommuha għall-użu u l-konsum tagħhom – fattur li jkompli jgħolli l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti.

Wieħed mill-akbar manifatturi tal-gallettini f’pajjiżna stqarr mas-Sunday Times illi f’Novembru kienu diġà raw żieda ta’ 35% fil-prezz tal-materja imma spjega kif l-ispejjeż għadhom qed jisparaw ‘il fuq, bil-qamħirrun u ż-żejt aktar milli rduppjaw fil-prezzijiet.

Issa dawk fil-manifattura jinsabu fl-għama dwar il-ġejjieni, meta s-swieq barranin huma volatili ferm u ħadd ma jaf x’se jkun qed jiġri fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, la f’termini ta’ prezzijiet u lanqas f’dawk tal-possibilità ta’ nuqqas ta’ disponibilità tal-materja prima.

Intant, in-Nazzjonijiet Uniti qed iwissu li l-kunflitt fl-Ukrajna jista’ jirriżulta f’dak li ddeskriviet bħala “uragan ta’ ġuħ u kollass totali tas-sistema tal-produzzjoni tal-ikel”.