“Se nibqa’ naħdem bis-sħiħ u nagħmel ħilti kollha għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”.
Hekk qal il-Kap tal-PN Bernard Grech fl-ewwel kummenti tiegħu wara li sar magħruf li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Huwa qal fil-ġimgħat li ġejjiin se jmur quddiem l-istrutturi tal-Partit u jitlob mandat b’saħħtu biex jibqa’ jmexxi lill-Partit biex ikun Gvern alternattiv fis-snin li ġejjin.
Bernard Grech qal li huwa evidenti li minkejja t- telfa, il-PN għadu partit b’saħħtu. Huwa rringrazzja lil eluf ta’ votanti li taw il-fiduċja tagħhom lill-PN minkejja l-power of incumbency u minkejja kull tentattiv biex jintrebħu l-voti.
Bernard Grech qal li l-PN għamel kampanja pożittiva li permezz tagħha wassal il-viżjoni tal-PN li hija ta’ politika responsabbli biex tingħata vuċi lil dawk l-eluf li taw il-fiduċja tagħhom lill-PN.
Intant, il-Ħadd waranofsinhar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar iċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar fejn irringrazzjaw lill-ħaddiema kollha li taw is-sehem tagħhom waqt din l-elezzjoni ġenerali.
F’kummenti lill-media, Bernard Grech enfasizza l-bżonn ta’ riġenerazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li dawk li vvvutaw lill-Partit Nazzjonalista urew li jridu li jkun hemm riġenerazzjoni fi ħdan il-Partit.. riġenerazzjoni li Bernard Grech diġà beda jaħdem fuqha u se jkompli. Saħaq li huwa determinat li jkompli jaħdem biex iressaq iktar nies lejn il-partit u dawk il-persuni li ma jiġux eletti se jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex tkompli ssir l-aħjar ħidma għall-ġid ta’ kulħadd.
//= $special ?>