Elezzjoni 2022 Lokali

Fiduċja qawwija f’Bernard Grech mill-votanti taż-żewġ distretti li kkontesta

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ngħata vot qawwi ta’ fiduċja mill-elettorat tal-11-il distrett fl-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li għadda. Dan hekk kif hu kiseb 9,450 vot tal-ewwel preferenza.

Skont ir-riżultat uffiċjali ppubblikat mill-Kummissjoni Elettorali, minn dan id-distrett, Bernard Grech kiseb id-doppju u nofs tal-kwota, li kienet 3,801 voti.

Mis-surplus ta’ voti li kiseb Bernard Grech, l-aktar li wiret voti kien il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius (1,188), segwit minn Ivan Bartolo (1,130) u Joseph Grech (888).

Min-naħa l-oħra, fil-ħames distrett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kiseb 5,799 vot jew darba u nofs il-kwota, li kienet 3,799 vot.

Hawn, mis-surplus, l-aktar li wiret voti kien Toni Bezzina (834), segwit minn Stanley Zammit (548) u Francine Farrugia (286).