Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Diversi taqsimiet tal-militar Russu jirritornaw fil-Belarus għar-reinforzi

Il-Gvern Ukren qal li l-qawwiet tar-Russja spiċċaw kostretti li jorganizzaw ruħhom mill-ġdid, xahar wara l-invażjoni, u wara li r-Russi ma rnexxilhhomx javvanzaw fuq id-diversi fronti tal-gwerra fl-Ukrajna.

Dan ukoll meta żdiedu l-indikazzjonijiet li r-Russi, minkejja l-aħħar sensiela ta’ attakki, ‘mgħandhom l-ebda ċans li jaħtfu l-kontroll ta’ Kiev’, il-kapitali Ukrena, bl-awtoritajiet militari f’Moska għadhom jikkalkulaw it-telf ta’ ħajja terribbli li sofrew fl-invażjoni tal-Ukrajna li ilha mill-24 ta’ Frar.

Numru ta’ taqsimiet militari Russi, fl-aħħar sigħat, irritornaw lejn il-Belarus ( man-naħa l-oħra tal-fruntiera tal-Ukrajna) biex jissaħħu bir-reinforzi meħtieġa. U filwaqt li numru ta’ battaljuni – grazzi għal dawn ir-reinforzi —  jistgħu jippruvaw mill-ġdid biex jiċċirkondaw il-belt ta’ Kiev,  l-irtirar hu l-aktar indikattiv minħabba d-disfatti li sofrew ir-Russi fuq il-kampijiet tal-battalja.