Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Ir-Russja mgħandhiex tibdel l-Ukrajna f’Korea oħra’

Il-kap tas-servizzi sigrieti tal-militar Ukren wissa li r-Russja qed tipprova toħloq ‘sitwazzjoni simili għal tal-Korea’ fl-artijiet tal-Ukrajna.

Il-Ġeneral Kyrylo Bodanov tenna li l-Kremlin ta’ Moska — wara l-fallimenti militari tar-Russi fl-Ukrajna u ladarba qed jidher ċar li il-Gvern leġittimu fi Kiev mhux se jibdel — qiegħed jagħmel ħiltu biex jaqsam l-Ukrajna f’reġjuni bil-ħsieb li wħud minnhom ikunu taħt ‘it-tmexxija diretta’ tar-Russja.

Il-President Russu Vladimir Putin kien qed jaħseb ukoll biex jibdel ‘jew jelimina’ lill-President Ukren Volodymyr Zelensky u jibdlu ma’ mexxej Ukren li jkun lest biex iservi bħala pupazz ta’ Moska, iżda anki dan il-pjan qed jidher li falla bil-kbir.

Madankollu, Kyrylo Budanov qed jgħid li l-prioritajiet ta’ Vladimir Putin issa jinsabu ‘fil-lvant u n-nofsinar tal-Ukrajna’ wara li l-offensiva mill-qawwiet Russi fl-Ukrajna staġnat fuq diversi fronti.

F’każ li Putin jista’ jgħaqqad it-territorji ( okkupati mir-Russi) lejn il-lvant u n-nofsinar tal-Ukrajna ikun anki rnexxielu jwaqqaf linja ta’ demarkazzjoni li tissepara dik iz-zona mill-bqija tal-Ukrajna…Xenarju bħal dan ikun simili għal dak li seħħ lill-penisola tal-Korea wara l-gwerra tas-snin ħamsin.

Iżda l-possibbiltà li ‘l-Ukrajna tinbidel f’Korea oħra’ qed tidher minima, bis-servizzi sigrieti tal-Ukrajna qed isostnu li l-belt ta’ Mariupol – li ilha l-ġimgħat iġġarrab il-bumbardamenti bla heda mill-qawwiet Russi – se tkompli sservi bħala ‘ostakolu kbir’ għall-istrateġiji tal-Kremlin.