Internazzjonali

Is-Serata tal-Oscars: Mument drammatiku u xokkanti fuq il-palk, b’Will Smith u Chris Rock bħala l-protagonisti

In-nies preżenti għas-Serata tal-Oscars li saret fid-Dolby Theatre ta’ Los Angeles żgur li jibqgħu jiftakru l-mument meta l-attur magħruf Will Smith tela’ fuq il-palk u ta daqqa lill-komiku Chris Rock fuq wiċċu….Dan seħħ ftit wara li l-komiku – li kien qed jippreżenta wieħed mill-Academy Awards  — għadda ċajta goffa u barra minn lokha dwar Jada Pinkett Smith li hi miżżewwġa lill-istess Will Smith.

Jada Pinkett Smith, li hi wkoll attriċi rinomata, tbati mill-alopecia li hi kundizzjoni li tikkaġuna t-telf tax-xagħar. Intant, Chris Rock iddeċieda li jgħaddi ċajta partikulari fejn qabbel lill-attriċi mal-karattru tas-suldat GI Jane fil-film tal-istess isem u li fih l-attriċi Demi Moore kellha tqaxxar xagħarha biex tinterpreta l-parti ta’ suldat.

Il-kumment tal-komiku xejn ma niżel tajjeb ma’ Smith li tela’ fuq il-palk u ta daqqa ta’ ħarta lil Rock qabel irritorna lejn is-siġġu tiegħu…Will Smith, dak il-ħin, anki beda  jgħajjat biex il-komiku ‘ma jżeffinx lil martu fin-nofs’ – bl-udjenza tibqa’ issummata dwar dak li seħħ.

L-inċident ixxokkja anki lil Chris Rock iżda hu malajr ġie f’tiegħu u, f’kumment lill-udjenza, qal li s-serata ‘bla dubju se tkompli tissemma bħala l-aktar waħda movimentata fl-istorja tat-televiżjoni.’ Hu, wara, ippreżenta l-Oscar għall-aħjar dokumentarju qabel niżel mill-palk biex jieħu postu mill-ġdid qalb l-udjenza. Il-pulizija ta’ Los Angeles wara kkonfermat li Chris Rock  irrifjuta li jressaq rapport dwar aggrediment fil-konfront tiegħu.

Xi minuti wara l-inċident, Will Smith tela’ mill-ġdid fuq il-palk biex jagħmel id-diskors tradizzjonali wara li rebaħ l-Oscar għall-Aħjar Attur  għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Il-premju ngħatalu għall-interpretazzjoni tal-missier tat-tennisti aħwa Venus u Serena Williams fil-film King Richard.

Intant, Will Smith talab apoloġija dwar l-imġieba tiegħu lill-Akkademja taċ-Ċinema u l-Arti li torganizza s-serata tal-Oscars. Hu anki talab skuża lil kulmin kien innominat għal Oscar fid-diversi kategoriji u, waqt id-diskors, aċċetta li ‘hu qabeż il-limitu minħabba l-imħabba tiegħu għal martu.’

Madankollu l-Academy of Motion Picture Arts and Sciences, li jorganizza l-Oscars, bagħat tweet fejn sostna li ma jaċċetta jew jittollera l-ebda forma ta’ vjolenza, irrispettivament mis-sitwazzjoni.

Intant, membri oħra tal-industrija tal-films ikkritikaw lil Will Smith, b’Marshall Herskovitz, li ipproduċa l-film The Last Samurai isejjaħ biex l-Akkademja tal-Oscars tieħu passi dixxiplinarji fil-konfront tal-attur. Dan waqt li l-attur Mark Hamill, li sar famuż fil-karattru ta’ Luke Skywalker fis-sensiela Star Wars, fisser il-konfront bejn Smith u Chris Rock bħala l-aktar mument ikrah fl-istorja tal-Oscars.