Valletta u l-Universita ta’ Malta offrew spettaklu u għaxar gowls bil-logħba ta’ bejniethom mill-Enemed Futsal Premier League tispiċċa fi draw ta’ 5-5.
Kienet logħba ferm bilanċjata li kien fiha minn kollox bil-pubbliku preżenti fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport jieħu pjaċir bil-livell ta’ futsal li wrew iż-żewġ settijiet ta’ plejers.
Sadanittant id-differenza ta’ seba’ punti fil-klassifika ftit dehret f’dan il-konfront bl-Universita’ li saħansitra kienu 3-1 minn fuq iżda bil-Beltin li kienu kapaċi jilħqu lill-avversarji tagħhom fil-ħinijiet l-aktar kruċjali tal-logħba.
Valletta skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetti ta’ Zvezdan Vukovic u Brayan Stiven b’Emerson Felipe jiskorja ieħor u bl-Universita’ li jirrispondu u jiskorjaw permezz ta’ Cleavon Portelli, Steven Camilleri, Guillherme Fonseca, Mohammed Elamari u awtogowl.
Min-naħa l-oħra, fl-Enemed Challenger League, Żurrieq kisbu t-tielet rebħa staġjonali wara li għelbu lil Marsaskala 4-2. Kienet logħba pożittiva għaż-Żrieraq fejn bħas-soltu spikka Gabriel Ghigo li kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Daniel Abdilla u Boycho Marev għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Għal Marsaskala din kienet it-12-il telfa tal-istaġun u għadhom fl-aħħar post tal-klassifika b’4 punti minn 14-il partita. Huma naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Ishmael Tabone u Dylan Caruana.
Min-naħa tagħhom, Żurrieq telgħu għal għaxar punti minn 14-il logħba għalkemm jinsabu ‘l bogħod mill-quċċata tal-klassifika.
//= $special ?>