Lokali Parlament

Id-deputati ġodda għall-PN huma tmienja; Ser jiżdiedu fil-jiem li ġejjin

Ir-riġenerazzjoni fil-Partit Nazzjonalista kompliet. Turija ċara ta’ dan, mhux biss il-kandidati l-ġodda li ġew eletti f’isem il-PN imma wkoll l-ammont ta’ voti li ġabu fl-Elezzjoni Ġenerali li għadha kemm għaddiet.

Eletti għall-ewwel darba fil-Parlament, total ta’ 8 persuni… Darren Carabott, Mark Anthony Sammut, Jerome Caruana Cilia, Ian Vassallo, Justin Schembri, Joe Giglio, Ivan Castillo u Alex Borg… numru li mistenni jiżdied hekk kif jiskattaw mekkaniżmi oħrajn fil-jiem li ġejjin.

Mill-kandidati kollha li ġew eletti mal-ewwel count, tlieta minnhom huma uċuħ ġodda fil-Parlament għall-PN. L-iktar deputat ġdid tal-PN li ġab ‘first-count’ votes kien Alex Borg, segwit minn Joe Giglio u Jerome Caruana Cilia. Dawn it-tliet jingħaqdu fil-lista ma’ Bernard Grech u Stephen Spiteri li wkoll kienu eletti mal-ewwel għadd fis-distretti tagħhom.

Interessanti l-fatt li apparti l-Kap tal-partit, l-iktar persuna b’first-count votes għall-PN kien iż-żagħżugħ Għawdxi Alex Borg li ġab 6,108 vot. Ta min wieħed isemmi wkoll li b’4,662 vot, Jerome Caruana Cilia kien elett qabel tliet Ministri tal-Gvern.

L-eletti l-ġodda jingħaqdu ma’ 14-il deputat li reġa’ kien elett mill-ġdid. Bernard Grech, David Agius, Robert Arrigo, Robert Cutajar, Adrian Delia, Beppe Fenech Adami, Mario DeMarco, Stephen Spiteri, Ryan Callus, Toni Bezzina, Ivan Bartolo, Chris Said, Ivan J. Bartolo u Graziella Galea.. b’din tal-aħħar tkun l-unika mara li kienet eletta f’dan l-ewwel proċess tal-elezzjoni ġenerali. Dan hekk kif permezz ta’ mekkaniżmu ġdid, 6 nisa oħrajn se jkunu eletti fil-jiem li ġejjin f’isem il-PN.

Wieħed jinota wkoll kif Bernard Grech, Robert Arrigo, Adrian Delia, Joe Giglio, Stephen Spiteri, Ryan Callus u Mark Anthony Sammut, kienu eletti minn żewġ distretti u għalhekk, fil-jiem li ġejjin, wieħed mis-siġġijiet tagħhom jittieħed minn kandidati oħrajn tal-PN.