Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Gvern fi Kiev mhux lest iċedi territorju

Konsulent ewlieni għall-President Ukren Volodymyr Zelensky qal, waqt kummenti lill-media barranija, li l-Ukrajna mhix lesta biex iċċedi mqar nitfa mit-territorju tagħha.

U waqt li għaddejjin it-taħditiet ġodda għall-paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja, il-konsulent, Alexander Rodnyansky, sostna li ‘il-pressjoni kollha issa tinsab fuq ir-Russja li ma tistax issostni din il-gwerra (fl-Ukrajna)’.

Fil-fatt, hu minnu li l-moral tat-truppi Russi fl-Ukrajna tant hu baxx li l-militar tal-Kremlin li invada lill-Ukrajna għadu ma jistax jittrasporta l-provvisti lejn is-suldati tiegħu b’mod effettiv, bin-nuqqasijiet ta’ loġistika għadhom evidenti.

Intant, Rodnyansky, li hu wkoll assistent professur tal-ekonomija fl-Università ta’ Cambridge, qal li l-Ukrajna bl-ebda mod mhi se tissagrifika l-integrità territorjali.

Hu suġġerixxa li versjoni aktar konkreta tal-‘Memorandum ta’ Budapest’ – u li għandha tagħti l-assikurazzjonijiet dwar is-sigurtà lill-Ukrajna – se tkun neċessarja għal perjodu ta’ paċi fit-tul.

‘Il-memorandum ta’ Budapest, matul is-snin disgħin, suppost li garantixxa s-sigurtà bil-patt li jkunu sagrifikati l-armi nukleari, ‘ spjega l-professur li żied li l-versjoni ġdida tal-Memorandum għandha tinkludi elementi tal-patt oriġinali li jispeċifikaw il-passi relatati. Din il-versjoni anki għandha tispeċifika l-azzjoni li kapaċi jieħu pajjiż f’sitwazzjoni fejn is-sigurtà tiegħu qed tkun mhedda.

Madankollu, Alexander Rodnyansky wissa li l-involviment potenzjali tal-pajjiżi tan-NATO f’pass ta’ dan it-tip żgur li se jinvolvi ‘issue delikat’.

‘Hu għalhekk li n-negozjati mhumiex faċli għaliex ħadd ma jrid jattiva l-Artiklu 5 li essenzjalment għandu jdaħħal lill-Alleanza tan-NATO f’konflitt armat mar-Russja’, saħaq  Rodnyansky