I
Il-qawwiet tar-Russja għadhom ma abbandunawx il-pjani biex jieħdu ‘kontroll assolut’ fi Kiev, il-kapitali Ukrena.
Dan minkejja l-aħħar diskors mill-Kremlin ta’ Moska li l-movimenti militari madwar Kiev ‘qegħdin jonqsu bil-kbir’ u li l-Armata tal-President Russu Vladimir Putin ‘minn issa’ qed jikkonċentra fuq ir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna, u li hu kontrollat mis-separatisti li jappoġġjaw lill-Kremlin.
Din l-informazzjoni tinsab f’rapport ipprovdut minn think tank Amerikan bl-isem Institute for the Study of War. L-istess think tank fl-istess ħin sostna li l-kontrattakki tal-qawwiet Ukreni ‘madwar il-kapitali’ x’aktarx li għandhom itellfu lir-Russi milli jattwaw l-objettivi militari li jista’ ikollhom fir-rigward tal-kapitali.
U minkejja rapporti li l-qawwiet Russi ħatfu l-kontroll ta’ Irpin, lejn il-majjistral ta’ Kiev, l-Armata ta’ Putin dehret li ‘ma kenitx f’pożizzjoni’ li tkompli bl-offensiva fuq l-ibliet ta’ Chernihiv, Sumy u Kharkiv għal mill-anqas 24 siegħa.
Ir-Russja, intant, anki tidher li qed tbati minn aspett ta’ reinforzi, fost rapporti li naqsu l-ammonti tas-suldati riservisti u meta r-rekluti ġodda mal-Armata Russa se jeħtieġu ‘ix-xhur’ biex jitħarrġu għall-kumbattimenti fl-Ukrajna.
Lanqas mhu eskluż li l-militar Russu diġà stazzjona l-parti kbira nett tal-qawwiet riservi fl-Ukrajna. U għalkemm Moska qed tkompli tibgħat it-taqsimiet militari ‘mhumiex speċifikati’ lejn l-Ukrajna, l-osservaturi ndunaw ‘bit-tnaqqis sinifikanti fit-traffiku militari li qed jivvjaġġa lejn l-Ukrajna mir-reġjuni fil-qalba tal-Federazzjoni Russa.’
//= $special ?>