Il-Viċi-Ministru tad-Difiża Russu Alexander Fomin qal li r-Russja ‘se tnaqqas radikalment’ l-attività militari barra l-kapitali Ukrena Kiev u madwar il-belt ta’ Chernihiv, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ukrajna.
Fomin kien fost l-uffiċjali tad-delegazzjoni Russa li bħalissa qed tiltaqa’, fit-Turkija, mar-rappreżentanti tal-Gvern Ukren. Dan bit-tama li d-delegati jsibu żblokk għas-sitwazzjoni terribbli fl-Ukrajna.
L-aħbar dwar il-pjani ta’ Moska ngħatat wara li l-Ukrajna proponiet li tingħata garanziji tas-sigurtà bil-ħsieb li tieqaf l-invażjoni ta’ artha mill-qawwiet tal-Kremlin.
Madankollu r-Renju Unit qed jgħid li r-Russja għadha ‘theddida serja’ għal Kiev minħabba l-kapaċitajiet militari tagħha. Dan ukoll waqt li xi osservaturi qed jgħidu li Moska xorta waħda ma abbandunatx il-pjani biex, xi darba, tieħu l-kontroll assolut tal-kapitali Ukrena.
Żvilupp importanti ieħor mit-taħditiet ta’ Istanbul (fit-Turkija) kienet l-istqarrija mill-Ukrajna li tinsab lesta biex taddotta status ta’ newtralità bi skambju għal garanziji ta’ sigurtà.
Ir-Russja ilha tinsisti biex l-Ukrajna tiddikjara ruħha bħala pajjiż newtrali….Status li jfisser li l-Ukrajna ma tistax tissieħeb ma’ alleanzi militari bħan-NATO u fejn tkun anki ‘ipprojbita’ milli żżomm bażijiet militari ta’ pajjiżi oħrajn.
Mhux eskluż li l-Polonja, Iżrael, it-Turkija u l-Kanada kapaċi, ‘il quddiem. jipprovdu ‘il-garanziji’ għas-sigurtà tal-Ukrajna u meta issa jidher li hemm possibbiltà akbar għal laqgħa, fil-futur, bejn il-President Ukren Volodymyr Zelensky u l-President tar-Russja Vladimir Putin.
//= $special ?>