Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Moska tinsisti dwar ‘il-popolarità ta’ Putin’ waqt li tiċħad dwar Mariupol

Il-kelliem ewlieni għall-Kremlin ta’ Moska qal li l-President Russu Vladimir Putin ‘għandu l-appoġġ assolut tar-Russi’ u li Putin qed igawdi ‘mewġa ta’ popolarità bla preċedent skond l-aħħar stħarriġ (fir-Russja)’. Dan meta l-Kremlin — kuntrarju għal dak li qed jidher — qiegħed jipprova jwassal messaġġ li l-poplu Russu ‘kollu’ hu wara Putin f’din il-gwerra.

Dmitry Peskov , fl-istess ħin, ċaħad li r-Russja qed tuża l-forza biex tiddeporta ċivili mill-belt Ukrena ta’ Mariupol lejn ir-Russja. L-aħħar rapporti qalu li l-qawwiet Russi, issa, iċċirkondaw din il-belt fejn qed tiżviluppa traġedja umana fuq il-livell tat-Tieni Gwerra u Peskov sostna li l-istejjer dwar id-deportazzjoni taċ-ċivili Ukreni huma kollha ‘gideb li ma jikkorrispondux mar-realtà’.

Il-Kremlin żvela wkoll li, eventwalment, se jkun hemm il-ħtieġa ta’ djalogu bejn Moska u l-Istati Uniti. Dan waqt li Peskov wissa li ‘ir-relazzjonijiet bilaterali, bla dubju, se jkunu affettwati minħabba l-insulti personali lil Putin min-naħa tal-President Amerikan Joe Biden’

Intant, ir-Russja trid tkompli tissupplixxi l-gass lill-Ewropa minkejja din il-gwerra. Iżda minn issa ‘il quddiem Moska qed tagħmilha ċara li l-kumpanniji barranin iridu jħallsu għall-gass bir-rubli – il-munita tar-Russi.