Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-Familja Rjali tiċċelebra l-ħajja tal-Prinċep Philip

Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra ssieħbet mal-membri l-oħra tal-Familja Rjali biex flimkien jiċċelebraw il-ħajja tal-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh. Dan  seħħ waqt servizz ta’ tifkira speċjali fejn il-familja radditlu qima għad-devozzjoni tiegħu lill-Kuruna għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Fost il-membri tal-familja preżenti f’Westminster Abbey kien hemm il-Prinċep Andrew, id-Duka ta’ York, li kien qed jidher fil-pubbliku għall-ewwel darba mindu laħaq ftehim finanzjarju għall-konklużjoni ta’ każ dwar abbuż sesswali fejn il-Prinċep kien mixli bħala parteċipant prinċipali.

Il-Prinċep Philip, ir-raġel tar-Reġina li miet is-sena l-oħra fl-età ta’ 99 sena, kien imfisser, waqt is-servizz, bħala raġel stroardinarju li impenja ruħu għal diversi kawżi tajbin b’risq is-soċjetà.

Intant, ir-rappreżentanti ta’ ħafna mill-karitajiet sponsorjati mill-Prinċep Philip attendew ukoll għas-servizz f’Westminster Abbey fejn kien ikkalkulat li l-udjenza kienet tlaħħaq mal-1,800 ruħ.

L-avveniment f’Westminster Abbey kien anki l-ewwel avveniment ewlieni li attendiet għalih ir-Reġina din is-sena.

Ir-Reġina Eliżabetta, li llum tgħodd 95 sena, ivvjaġġjat bil-karozza għas-servizz mill-Kastell ta’ Windsor u meta qabel kien hemm dubji dwar  kemm hi setgħet tattendi s-servizz minħabba li llum għandha problemi ta’ mobbilità. Fil-fatt, sar magħruf li hi setgħet tiddeċiedi li tmur f’Westminster Abbey ftit sigħat biss qabel il-bidu tas-servizz.

Sadanittant, ittieħdu l-miżuri speċjali għall-kumdità tar-Reġina waqt is-servizz speċjali li ma damx aktar minn 45 minuta minħabba ċ-ċirkostanzi tagħha.