Raġel ta’ 28 sena mir-Rabat Għawdex ġie kundannat 12-il xahar ħabs sospiżi għal sena u mmultat €4000 wara li ammetta li sawwat u fera tliet membri tal-Korp tal-Pulizija. L-inċident seħħ nhar il-Ħadd li għadda meta huwa kien qed jipparteċipa f’carcade u jiċċelebra r-rebħa Laburista fi pjazza Victoria, fir-Rabat Għawdex.
F’dan l-inċident kien involut raġel ieħor ta’ 43 sena miż-Żebbuġ, li wkoll kien qed jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet u li mistenni wkoll jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin. L-inċident seħħ meta Antoine Camilleri kellu xi jgħid ma’ dan ir-raġel l-ieħor li wkoll kien qed jiċċelebra r-rebħa Laburista.
Bħal Camilleri l-allegat aggressur l-ieħor mistenni jiġi mixli li ħebb għalll-Pulizija, li minn naħa tagħha għamlet minn kollox biex tipprova tikkalma s-sitwazzjoni. Minkejja li l-Pulizija ppruvat tikkontrolla s-sitwazzjoni bil-kelma t-tajba, jidher li maż-żewġt irġiel weħlu ma’ rashom il-Pulizija, li spiċċaw daru għalihom.
L-inċident seħħ fl-9.45 a.m. l-għada tal-elezzjoni fejn wara tfittxija li saret instab ukoll li fil-pusses ta’ Camilleri nstabet id-droga. Riżultat tal-agressjoni Surġent tal-Pulizija u żewġ Kuntistabbli spiċċaw l-isptar ta’ Għawdex biex jiġu kkurati għal ġrieħi li ġarrbu.
Wayne Camilleri ammetta l-10 akkużi li ġie mixli bihom fosthom li nġurja, hedded jew għamel offiza fuq persuni nkarigati skont il-liġi minn servizz pubbliku waqt li kienu qegħdin jagħmlu xogħolhom bil-ħsieb li jbeżżagħhom. Li
għamel reżistenza bi vjolenza jkontra persuni nkarigati skont il-liġi.
Talli fl-istess data kiser volontarjament il-bon ordni jew il-kwiet tal-pubbliku, li ħareg barra mil-limiti tal-provokazzjoni, U talli fis-27 ta’ Marzu 2022, kellu fil-pussess tieghu d-droga kokaina u li naqas li jipprova li d-droga msemmija giet fornuta lilu għall-uzu tiegħu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josepf Gauci. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana.