L-Imħallef Giovanni Grixti ċaħad talba tal-Avukat Ġenerali biex żagħżugħ li allegatament wettaq diversi reati fosthom traffikar ta’ droga, imġieba suspettuża u li ħebb għall-Pulizija, jerġa’ jiġi arrestat. L-Erbgħa, 23 ta’ Marzu, Rasndon Debono minn Ħal Qormi wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih u ngħata l-pleġġ.
Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena kellu sensiela ta’ akkużi relatati mad-droga. Il-każ kien solvut mill-Pulizija wara nċident li seħħ meta żewġ żgħażagħ inlemħu jaqbżu minn fuq bieb ta’ kunvent fi Triq Notabile, Birkirkara. Wara huma saqu f’vettura tat-tip Toyota bil-pulizija jilmħuhum u ġew interċettati fi Triq il-Kbira San Ġużepp, f’Santa Venera.
Iżda s-sewwieq tal-vettura, Debono, allegatament ma ċediex u rreżista l-arrest, u weġġa’ żewġ uffiċjali tal-pulizija. Sussegwentement instabu fil-pussess tiegħu madwar 30 qartas kokaina, 18-il qartas eroina kif ukoll xi tliet grammi raża tal-kannabis.
Iż-żagħżugħ l-ieħor inħeles mill-arrest. L-akkużat wieġeb mhux ħati ta’ pusses ta’ kokaina u eroina, liema pussess tad-droga nstab f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux maħsuba biss għall-użu personali. Huwa ġie mixli wkoll fuq pussess ta’ raża tal-kannabis. Għal Rasndon Debono deheru l-Avukat Franco Debono u Francesca Zarb.
Dawn ir-reati kienu aggravanti bil-fatt li allegatament twettqu sa 100 metru minn post iffrekwentat miż-żgħażagħ. Debono ġie mixli wkoll li weġġa’ gravi pulizija, li weġġa’ ħafif uffiċjal ieħor, li insultentahom u heddidhom, li rreżista b’mod vjolenti l-arrest, li rrifjuta li jobdi ordnijiet leġittimi, li saq mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni valida kif ukoll li saq b’mod perikoluż u b’veloċità eċċessiva.
Huwa kien mixli wkoll li ġarr sikkina mingħajr liċenzja tal-pulizija, li kiser it-termini ta’ ordni ta’ probation mogħtija f’Ottubru li għadda kif ukoll li sar reċidiv. L-Avukat difensur, Franco Debono, kien talab il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li rrimarka l-età żgħira tal-akkużat u li għandu problema ta’ droga.
Barra minn hekk, l-ammont ta’ drogi nvoluti ma kienx kbir u l-liġi, li tissemma kif xieraq l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija), kienet maħsuba biex tiżgura li n-nies ma jintbagħtux il-ħabs fuq ammonti daqshekk żgħar.
Il-kokaina kienet tammonta għal xi sitt grammi filwaqt li l-eroina kienet tammonta għal ħames grammi. L-akkużat kellu wkoll familja ta’ appoġġ u l-kondotta kriminali tiegħu ma kinitx allarmanti, sostna l-avukat. Madankollu, l-Ispettur tal-prosekuzzjoni Christabelle Chetcuti kienet oġġezzjonat bil-qawwa għall-ħelsien mill-arrest, u ddeskriviet ir-rekord kriminali tal-akkużat bħala “allarmanti immens”.
Iż-żagħżugħ kellu kundanni fil-passat u issa kien qed jiffaċċja akkużi simili għal dawk li kien iffaċċja fil-passat. Barra minn hekk, kien hemm xhud li kien għad irid jixhed u li kien ħabib tal-akkużat, sostniet l-prosekutur. L-avukat difensur Debono rribatta li waħda mill-kundanni passati tal-akkużat kienet relatata mal-pussess tal-kannabis li issa m’għadux reat.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 300 ewro u garanzija personali ta’ 3,000 ewro u jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi. Filwaqt li ċaħdet it-talba biex l-akkużat jiġi arrestat, il-Qorti tal-Appell għamlet biss modifika żgħira fis-sens li minflok jiffirma darba fl-Għassa tal-Pulizija, jiffirma darbtejn.
//= $special ?>