Jessica Ellul, it-tifla ta’ Rita Ellul li fis-26 ta’ Frar li għadda nqatlet f’appartament f’Għajnsielem, Għawdex qalet li f’Novembru tas-sena 2020 ommha kienet fetħet qalbha magħha u qatilha li s-sieħeb tagħha Lawrence Abina kien qed jixrob, u meta jmur lura d-dar, kien ukoll issawatha.
“Kien qabad u telaq ħabta u sabta mid-dar u meta jien stess ffaċjajt lil Abina, bażikament qalli li aħjar hekk milli nispiċċa nsawwatha. Sa fejn naf jien qatt ma kien hemm rikonżiljazzjoni bejn ommi u Abina minn dak iż-żmien. Hi qatt ma ridet titla’ tgħix Għawdex u hu ma ridtx jinżel Malta”.
Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fil-Qorti ta’ kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Lawrence Abina r-raġel mill-Għana li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Rita Ellul ta’ 49 sena. Hija nstabet mejta f’ appartament fi Triq Dun Frangisk Mizzi. Fil-Qorti taw ix-xhieda tagħhom diversi persuni fosthom Pulizija u infermiera u tabib.
Abina, li ammetta waqt l-interogazzjoni li wettaq il-qtil, fil-Qorti qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Fil-Qorti ħareġ ukoll li f’Settembru tal-2020 kien diġa sar rapport li l-vittma kienet qed tiġi msawwta minn Abina u li r-relazzjoni bejn it-tnejn kienet ilha sejra lura,
L-ewwel xhud kienet Francel Sultana, infermiera fid-Dipartiment tal-Emerġenza li qalet li kienu rċevew telefoanta fil-12.15pm dak inhar tal-inċident, li kellhom bżonn l-assistenza tagħhom f’Għajnsielem. Hija marret fir-reisdenza u sabet persuna mingħajr sinjal ta’ ħajja.
Il-mara kienet f’pożizzjoni naturali ta’ meta wieħed ikun rieqed. Hija qalet li fl-awla kienet qed tagħraf lill-akkużat li dak il-ħin kien fir-residenza. Sostniet li dan qalilhom li Rita kienet ma tiflaħx filgħodu u meta mar jara x’għandha sabha mejta u talab għall-assistenza.
Ix-xhud qalet li hija ċemplet lill-Pulizija għax dan huwa l-protocol tal-front liners li jridu jeżegwixxu f’sitwazzjonijiet simili. Xhud ieħor kien it-tabib Carmel Camilleri wkoll mid-Dipartimenr tal-Emerġenza. Qal li kien infurmat mill-kollegi tiegħu li kienu sabu pazjenta mejta. Huwa mar fuq il-post xi tliet minuti wara. Il-persuna li kienet talbet għall-assistenza kienet ukoll fil-post.
Qal li huwa kien iddetermina li kienet ilha mejta għax xi ftit sigħat. Hija kienet mimduda fuq in-naħa tax-xellug. Wiċċha fuq l-imħadda. Hija kienet tidher li qiesha kienet rieqda, u kienet mgħottija bil-kutri, b’idejha fuq is-saqqu. Huwa wasal għal konklużjoni li l-mara kienet ilha mejta għal aktar minn sagħtejn, f’dak li jissejjaħ ‘rigor mortis’ (ebusija tal-ġogi u l-muskoli ta ‘ġisem ftit sigħat wara l-mewt). Sadanittant dak il-ħin l-akkużat wera lilu xi pilloli li kienu maġenb is-sodda tal-mejta.
L-espert tal-Qorti Jonathan Mizzi li l-filmat estratt mill-body cam tal-Pulizija mhux imbagħbas (tampered) u huwa wieħed awtentiku u kontinwu. Il-kuntistabbli Benjamin Portelli qal li huwa mar fuq is-sit wara telefonata għall-assistenza li kienet irċiviet il-Pulizija.
Qal li l-akkużat kien hemm, imma qatt ma kellmu, minħabba li kien dettaljat ‘fixed point’ biex iwaqqaf in-nies milli jidħlu fil-post. Il-kuntistabbli Wayne Block mid-Dipartiment tal-Omiċidji qal li huwa eskorta lill-akkużat minn Għawdex għal Malta. Huwa kien għamel ‘timeline’ li wrew il-movimenti ta’ Abina mill-Ġimgħa. Dan it-‘timeline’ kien ibbażat fuq filmati mis-CCTV li kienu allokati ħdejn r-residenza tal-akkużat. Ġew annaliżżati wkoll cameras oħra.
Is-Surġent Josef Gerada mid-Dipartiment tal-Omiċidji qal li wara li saret l-awtopsja, l-Pulizija kienu nfurmati li kien hemm xi ħaġa suspettuża. Huwa ntalab biex jidentifika filmati fil-qrib u jgħaddihom lill-espert tal-Qorti Max Xuereb. Huwa tkellem ukoll ma’ min iħaddem lill-akkużat li kien impjegat fil-kostruzzjoni. . Kien infurmat li kien mar tard għax-xogħol fil-jum tas-Sibt filgħodu u dam jaħdem sa nofsinhar.
Abina ħass ħtieġa kbira li joqtol lil Rita Ellul
Ix-xhud qal li kien preżenti meta l-Ispettur Kurt Zahra tkellem ma wlied il-vittma bniet. Bażikament huma qalu lill-Pulizija li Abina jispiċċa jsir vjolenti meta jkun fis-sakra u kien hemm okkażjonijiet meta kien isegwi l-passi ta’ ommhom. Meta mistoqsi l-akkużat spjega li huwa kien qed jaħseb biex joqtol lil Rita u qabel ma telaq lejn ix-xogħol bħal ħass ħtieġa kbira biex joqtolha.
Huwa ammeta kien kien qatilha b’idejh it-tnejn. Dan kollu segwa argument li kellu ma’ Rita tard il-Ġimgħa filgħaxija. Is-Surġent Josef Camilleri, stazzjonat Għawdex li huwa uffiċjal ta’;kustodja qal li Lawrence Abina kien qed jinżamm fil-lock up u ngħata d-drittijiet legali kollha tiegħu.
Tenna li fil-fatt hu kkomunika verbalment ma’ avukat tal-għajuna legali u avukat ieħor bit-telefon. Wara Abina talab ukoll għall-assistenza medika. Wara xehed Amankwah Tafutor, li kien jgħix mal-akkużat. Qal li ilu joqgħod fl-appartament f’Għajnsielem għal dawn l-aħħar tmien snin. Huwa kien jaf lil Rita Ellul permezz ta’ Lawrence Abina. Qal li Rita ma kinitx tgħix magħhom imma kienet tmur spiss għandhom.
Minn tliet xhur qabel l-inċident Rita Ellul ma baqgħetx tmur ta’ spiss Għawdex
Hija kienet waqfet tmur b’mod regolari madwar tliet xhur qabel l-inċident . Ġurnata qabel, jiġifieri l-Ġimgħa, huwa kien spiċċa mix-xogħol għall-ħabta tas-6.00pm. u raha lil Abina, Rita u lil Joyce, li kienet ħabiba tal-vittma. Qal li Rita bdiet taqbad ma’ Abina waqt li kien qed isajjar u kulħadd kien qed jidħaq.
Tenna li Joyce telqet u wara ra lil Abina u lil Rita joħorġu l-barra. Ix-xhud qal li hu jorqod kmieni għax ikun irid iqum fl-4.30am. għax-xogħol. Qal ukoll li filgħodu ltaqa’ ma’ Abina meta kien qed jieħu l-breakfast. Lawrence, kien reġa’ mar f’kamartu u hu mar għax-xogħol. Sostna li ma kienx jaf jekk Rita kienitx hemm jew le u dan peress li l-akużat ma qal xejn fuq Rita Ellul.
Tenna li huwa rċieva telefonata mingħand l-akkużat li qallu li kien hemm problema fil-flat u li Rita kienet mietet. Huwa telaq kmieni mix-xogħol u mera wasal l-appartament diġa kien hemm il-Pulizija, kif ukoll Lawrence Abina u Joyce. Saħaq li huwa qatt ma nnota li kien hemm xi problemi bejn il-koppja, imma darba kien semgħahom jilletikaw verbalment.
Abina qal lill-Assistent Kummissarju li jinstab dispjaċut għax qatilha
Il-kuntistabbli Ryan Farrugia qal li hu kien infurmat li kien hemm mewta suspettuża f’Għawdex, Huwa kien eskorta lil Abina l-isptar Mater Dei għal ‘buccle swab’ li huwa test tad-DNA. Meta kien qed jeskorta lil Abina fl-uffiċċju tal-intervisti mill-lock up, huwa kien sema’ lill-Assistent Kummissarju Sandro Gatt jistaqsi lil Abina dwar kif kien qed iħossu wara l-mewt ta’ Rita.
Hawn Abina ammetta li kien iddispjaċih ħafna għal dak li ġarau li kien hu li qabadha minn għonqha, u dak il-ħin niżel għarkuptejh un infaqa’ jibki. Is-Surġent Kevin Grima qal li fl-20 ta’ Settembru tal-2020 huwa rċieva telefonata fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara li ċertu Rita Ellul kellha bżonn l-għajnuna. Kien kuġinuha li ċempel.
Meta l-Pulizija marru fuq il-post Rita kienet qaltilhom li kienet f’relazzjoni ma’ ċertu Lawrence Abina. Hija kienet spjegat lill-Pulizija li Lawrence kien ħareġ ma’ kuġinha u meta mar lura ħebb għaliha u beda jsawwatha fuq rasha hekk kif kienet bdiet tkellmu.
Qal li huma kienu sabu lil Abina fis-sodda li kien qed jagħmilha ta’ taparsi rieqed. Huwa kien qal li Rita kienet ipprovokatu verbalment u dan b’mod kontinwu u kien għalhekk li ta daqqa. Hi rrittaljat u tagħtu daqqu oħra u kien hawn li hu ta daqqa fuq rasha.Kienu daħlu fl-istorja tal-Aġenzija Appoġġ u hi insistiet li tmur lura d-dar. Dak inhar kien ħarġu akkużi fil-konfront ta’ Lawrence u anke ta’ Rita, Il-kumpilazzjoni se tkompli fid-29 ta’ April li ġej.
L-Avukat Joseph Grech qed jidher għal Abina. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mil-avukati Anthony Vella u Nathanial Falzon mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali u l-iIpetturi Kurt Zahra, Josef Gauci u Wayne Camilleri. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qdd jidhru bħala parte civile f’isem il-familja tal-vittma.
//= $special ?>