Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Il-bumbardamenti jieqfu biss ladarba Mariupol iċċedi…’ – Vladimir Putin

Il-belt ta’ Mariupol, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna, saret simbolu ta’ poplu li qed ibati l-agħar riżultati ta’ gwerra, fost l-attakki intensiva tal-magna tal-gwerra Russa li mhix tiddiskrimina bejn in-nisa u t-tfal u s-suldati tal-Gvern Ukren.

U fost ix-xita ta’ balal li neżlin fuq Mariupol, il-President Russu, Vladimir Putin – fl-ewwel kummenti speċifiċi dwar din il-belt – qal li ‘l-assedju ( fuq Mariupol) għandu jieqaf biss ladarba jċedu t-truppi Ukreni kollha f’dik iz-zona’.

Putin ikkonferma dan waqt taħditiet ġodda bit-telefon mal-President Franċiż, Emmanuel Macron — iżda jidher ukoll li l-President Russu qabel li jikkunsidra ‘pjani għall-evakwazzjoni ta’ ċivili mill-belt’.

L-Uffiċjali Franċiżi qalu li s-sitwazzjoni f’Mariupol saret ‘katastrofika’ waqt li ħeġġew għall-protezzjoni tar-residenti ċivili. Huma sostnew li r-residenti ta’ Mariupol għandhom jitħallew joħorġu mill-belt minbarra li jingħataw aċċess għall-ikel, l-ilma u l-mediċini.

Sadanittant, Franza, it-Turkija u l-Greċja, flimkien ma’ diversi gruppi umanitarji, preżentaw lil Putin bi pjan għall-evakwazzjoni ta’ Mariupol – bil-President Russu jinforma lil Emmanuel Macron li ‘kellu jikkunsidra l-proposta’.