Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russi jħarsu lejn ir-reġjuni tal-lvant wara sensiela ta’ disfatti

L-uffiċjali tal-Punent qed jgħidu li r-Russi diġà indikaw il-fallimenti tal-invażjoni bid-deċiżjoni li jirtiraw numru ta’ qawwiet mill-madwar ta’ Kiev u mill-belt ta’ Chernihiv.

Madankollu, l-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Chernihiv qalu li ma kien hemm l-ebda waqfien tal-bumbardamenti tar-Russi fuq din il-belt matul il-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa.

Fl-istess ħin, uffiċjali Ukreni oħra qalu li r-Russi qed jibbumbardjaw kważi l-ibliet kollha fiz-zona ta’ gwerra lejn ir-reġjun ta’ Donetsk, fil-lvant tal-Ukrajna. Ir-reġjun hu kontrollat mir-ribelli separatisti favur Moska li ilhom mill-2014 jikkumbattu mal-qawwiet tal-Gvern fi Kiev.

Is-servizzi sigrieti tal-militar fir-Renju Unit qalu, intant, li r-Russja, issa, qed tikkonċentra fuq ir-reġjuni lejn il-lvant tal-Ukrajna għaliex sofriet disfatti kbar ħafna fuq il-kamp tal-battalja fi bnadi Ukreni oħra. Dan waqt li xi taqsimiet militari tal-Kremlin kienu kostretti jirritornaw fir-Russja u l-Belarus biex jorganizzaw ruħhom mill-ġdid wara li tilfu ammonti allarmanti ta’ suldati.