Sir Richard Shirreff, eks Viċi-Kmandant Suprem tan-NATO fl-Ewropa, qal li, ‘l-istess bħal ħafna nies’, għandu suspetti kbar dwar kemm ir-Russja tassew qed taħseb biex tnaqqas mill-attakki kontinwi fuq l-ibliet ta’ Kyiv u Chernihiv.
Sadanittant, Shirreff qal li mghandux dubju li r-Russja ma rnexxilhiex tippersisti bil-gwerra fl-Ukrajna fuq diversi fronti. Is-sinjali, fl-istess ħin, juru ‘rikonoxximent li l-Kremlin mhux se jippersisti b’sitwazzjoni diżastruża f’termini ta’ militar u tankijiet tal-gwerra mitlufa’. Dan waqt li Sir Richard Shirreff qed isegwi ‘fażi ġdida tal-invażjoni’ fejn ir-Russi qegħdin jikkonċentraw il-qawwiet tagħhom f’zoni differenti tal-Ukrajna.
L-eks Viċi-Kmandant tan-NATO lanqas ma jeskludi li ‘il-Kremlin qed tipprova tqarraq bil-Punent’ waqt li enfasizza li ‘l-Ewropa mhix se tara l-vera paċi dment li Vladimir Putin ikompli bħala l-President tar-Russja’.
Shirreff irrefera għal Putin bħala ‘mexxej awtokratiku li għandu jdejh imċappsin bid-demm’ u enfasizza li n-NATO trid tibqa’ attenta li żżomm din is-sitwazzjoni fuq livell ta’ Gwerra Bierda.
Madankollu, hu ammetta li l-Alleanza tal-Punent teħtieġ li tipprepara għall-gwerra minn kull aspett u wissa li n-NATO, fiċ-ċirkustanzi, għandha ‘tirranka u taġġorna’ l-kapaċitajiet militari tagħha f’dawn iż-żmenijiet inċerti.


