Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-ebda progress lejn il-paċi

I

Il-Kremlin ta’ Moska, fl-aħħar sigħat, ippruvat tnaqqas it-tamiet dwar progress lejn il-paċi, bil-gwerra fl-Ukrajna qed tinfirex lejn zoni oħrajn wara l-fallimenti tal-Armata Russa fil-madwar ta’ Kiev u f’diversi bliet prinċipali.

Ir-Russja, issa, enfasizzat ‘li d-djalogu ma wasal imkien’ wara t-taħditiet, nhar it-Tlieta, bejn id-delegati tal-Kremlin u tal-Ukrajna li saru f’Istanbul, fit-Turkija.

Fl-istess ħin, l-Ukreni qed jgħidu li r-Russja mhix tnaqqas il-bumbardamenti fuq il-belt ta’ Mariupol, meta l-qawwiet Russi qed jittamaw li dalwaqt jieħdu ‘kontroll assolut’ f’waħda mill-ibliet ewlenin tal-Ukrajna…Belt li ilha l-ġimgħat suġġetta għal assedju bla ħniena, bir-residenti ċivili qed jinqatlu ‘bl-għexieren fis-siegħa’ fost l-isparar tal-missili u balal mit-truppi tal-Kremlin.

L-aħħar rapporti minn Mariupol sadanittant ikkonfermaw li mietu l-eluf ta’ ċivili fi tliet ġimgħat jew aktar ta’ attakki mill-ajru u bumbardamenti tar-Russi – bl-aħħar sinjali jindikaw li s-suldati ta’ Moska huma lesti biex jieħdu din il-belt ‘minn mument għal ieħor’.

Min-naħa tiegħu, Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għall-President Russu Vladimir Putin, qal li – minkejja l-versjonijiet differenti mill-osservaturi tal-Punent – it-taħditiet tat-Tlieta mad-delegazzjoni Ukrena ‘ma produċew xejn promettenti’. Il-kumment jista’ jindika li r-Russja beħsiebha tkompli bl-invażjoni tal-Ukrajna minkejja l-prezz terribbli li qed tħallas f’ħajja mitlufa (tas-suldati).

U minkejja li l-Ukrajna, issa, żvelat li qed tikkunsidra li ssir Stat ‘newtrali’, ir-Russja donnha trid ‘tikkumplika t-triq lejn il-paċi’, bil-kelliem Peskov jagħmilha ċara wkoll li l-Krimea – li r-Russja kienet ħatfet lill-Ukrajna fl-2014 – ‘kienet u se tibqa’ parti mir-Russja’. Hu saħaq, fl-istess ħin, li l-Kostituzzjoni Russa ma tippermettix li r-rappreżentanti ta’ Moska jiddiskutu d-destin ta’ ‘kwalunkwe reġjun Russu’ ma’ ħaddieħor.