Internazzjonali

Iżrael: Sparatura oħra f’Tel Aviv, bl-aggressur jinqatel mill-pulizija

Raġel Palestinjan fl-aħħar sigħat wettaq sparatura fil-belt Iżraeljana ta’ Tel Aviv fejn qatel ħames persuni — tnejn minnhom irġiel Ukreni li nzertahom bil-qiegħda barra ħanut tal-merċa.

L-attakk seħħ fiz-zona ta’ Bnei Brak fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Lhud ultra-ortodossi, bil-pulizija li rreaġew għall-emerġenza jiftħu n-nar fuq l-aggressur li nqatel fuq l-post.

L-aggressjoni twettqet minkejja li l-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani kienu fuq stat ta’ allert f’Tel Aviv wara l-attakki simili tal-aħħar jiem li twettqu mill-Iżraeljani Għarab fl-inħawi u li wkoll irriżultaw f’numru ta’ vittmi.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Naftali Bennett qal li Iżrael fil-preżent qed jiffaċċja mewġa ġdida ta’ terroriżmu u li l-membri tas-sigurtà qegħdin jikkonsolidaw il-preżenza tagħhom f’Tel Aviv u bliet Iżraeljani oħra.

L-aggressur responsabbli mill-aħħar attakk kien armat b’azzarin awtomatiku u deher qed jispara lejn kulmin spiċċa quddiemu inkluż is-sewwieq ta’ karozza li wkoll spiċċa jitlef ħajtu. Sar magħruf ukoll li fost il-vittmi hemm wieħed mill-pulizija li konfrontaw lill-aggressur u li miegħu kienu involuti fi sparatura.

L-attakk f’Tel Aviv kien anki kundannat mis-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken li qal li sitwazzjonijiet bħal dawn huma inaċċettabbli u li l-Iżraeljani għandhom jitħallew jgħixu fil-paċi, l-istess bħall-popli l-oħra.