Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Anna Felice ċaħdet talba ta’ lukandier fuq ksur tad-drittijiet wara li kien ġie mixli li ma ħallasx b’€7,600 f’testijiet li saru mill-awtoritajiet tas-saħħa fis-sistema tal-ilma. Dan wara li fil-lukanda nstab il-mikrobu tal-leġjonella.
Huwa lmenta li ma kienx qed jiġi trattat skont il-liġi. Il-lukanda fil-Qawra kenet ingħalqet f’Settembru tal-2011 wara li l-awtoritajiet tas-saħħa sabu l-preżenza tal-mikrobu tal-leġjonella fis-sistema tal-ilma li wasslet ukoll għax-showers tal-kmamar.
Is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika waslulha rapporti li fil-Qawra Inn Hotel, kien hemm il-leġjonella. L-awtoritajiet tas-saħħa kienu għalqu l-lukanda għal xi żmien biex jiġi assigurat li l-mikrobu m’għadux aktar preżenti. Il-Pulizija kienu ħadu passi kriminali kontra s-sid għax irrifjuta li jħallas għat-testijiet.
Huwa lmenta li kellu d-drittijiet fundamentali tiegħu miksura, bil-każ jiġi riferut lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Felice ċaħdet it-talba tas-sid li allega trattament degradanti u qalet li ma tarax kif l-imputat jippretendi li ma jħallasx għat-testijiet meta kien hu li bi traskuraġni poġġa ħajjet in-nies fil-periklu.
Qalet li l-intervent f’waqtu li ħadu l-awtoritajiet tas-saħħa kien fl-interess pubbliku u ġustifikat fiċ-ċirkostanzi tal-każ u li dejjem sar skont standards internazzjonali.
//= $special ?>