Ħamruniż ta’ 38 sena inżamm arrestat mill-Maġistrat Victor Axiak wara li ġie mixli li fis-17 ta’ Marzu li għadda qabbad karozza u li sar riċediv. Jonathan Lee Borg, diżokkupat, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Borg kellu jiddeffendih lill-eks Ministru Josè Herrera hekk kif wara li naqas li jiġi elett fuq l-ewwel distrett irritorna lura fix-xogħol tal-Qorti bħala avukat. Borg ġie mixli li ta n-nar lill-karozza għall-ħabta tat-3.00 am.
F’dak il-lejl l-Pulizija u l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu ntalbu jassistu fi Triq il-Bajjada, fil-Marsa, peress li kien hemm karozza qed taqbad. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Mario Xiberras u Andy Rotin infurmat lill-Qorti li mill-istħarriġ li sar u wara li ġew analizzati diversi filmati minn cameras tas-sigurtà, irriżulta li l-karozza, Toyota IQ2, ingħatat in-nar mill-akkużat.
Ingħad ukoll li l-Pulizija mill-filmati waslu għal Borg wara li segwewh sad-dar tiegħu, u wara li saret tfittxija instabu l-ħwejjeġ li kien liebes waqt ir-reat. Huwa ġie arrestat ħdejn iċ-ċentru tad-Detox fi Gwardamanġa. Il-Pulizija qalet li fil-mument għaddejja bi tfittxija għall-mandant, minħabba li kollox jindika li Borg tqabbad minn xi ħadd biex iwettaq dan ir-reat. It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda wara li sabet oppożizzjoni qawwija mill-prosekuzzjoni li oġġezzjonat fuq il-bażi li Borg ma kkoperax fl-investigazzjonijiet.
L-Avukat Jose Herrera, li miegħe kellu lill-Avukat Matthew Xuereb argumenta li l-libertà proviżorja għandha tkun in-norma u li individwu għandu jkollu l-każ deċiż f’ħin xieraq. Herrera qal li l-argument li ma jingħatax il-bail ghax ma kkoperax ma jreġix. Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest minħabba li qalet li hemm ċirkostanzi li ma jagħtux serħan tal-moħħ li l-akkużat jista’ joqgħod mal-garanziji mogħtija mill-Qorti.
//= $special ?>