Tkompli l-pressjoni ma taqta’ xejn fuq il-Gvern Malti biex illum qabel għada titwaqqaf l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti… pressjoni li ġejja mhux biss mill-Kumissjoni Ewropea, iżda issa anke mill-MEP Laburista Alfred Sant.
Mal-gazzetta Times of Malta, Alfred Sant saħaq li l-Gvern il-ġdid immexxi minn Robert Abela għandu jagħraf il-bżonn li jwarrab il-bejgħ tal-passaporti biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tieħu r-ruħ. Ironikament….Sant stqarr dan ftit tal-jiem biss wara li vvota kontra l-projbizzjoni tal-bejgħ tal-passaporti f’pajjiżi Ewropej.
Il-Kummissjoni Ewropea issa qed terga’ tappella lill-Gvern Malti biex minnufih iwaqqaf din l-iskema, filwaqt li jassigura li dawk il-persuni li jappoġjaw l-azzjonijiet ta’ Putin fir-rigward tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, jittieħdilhom kull dritt marbut max-xiri tal-passaporti.
Mill-pajjiżi Ewropej kollha, hi Malta biss li għadha ma ħaditx azzjoni kontra l-bejgħ tal-passaporti.
Lura fl-2020, Ċipru kienu rtiraw din l-iskema, filwaqt li l-Parlament tal-Bulgarija ħa deċiżjoni li jwaqqaf il-bejgħ tal-passaporti.
U allura… dan iħalli biss lill-Gvern Malti li baqa’ ċass quddiem dan kollu… Gvern li mhux jaħseb fl-impatt negattiv li dan qed tħalli din l-iskema fuq pajjiżna.