Lokali

Raġel arrestat b’rabta ma’ ħruq ta’ vettura

Raġel ta’ 38 sena residenti l-Ħamrun, ġie arrestat b’rabta ma’ ħruq ta’ vettura. Dan il-każ seħħ nhar is-17 ta’ Marzu li għadda, meta għal xi t-tlieta ta’ filgħodu, il-Pulizija flimkien mal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntalbu jassistu fi Triq il-Bajjada, il-Marsa peress li kien hemm vettura qed taqbad.

Wara li ntfew in-nirien, minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija filwaqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret inkjesta.

Mill-istħarriġ li sar u wara li ġew analizzati diversi filmati minn kameras tas-sigurtà, irriżulta li l-karozza, Toyota IQ, ingħatat in-nar.

L-investigazzjonijiet wasslu sabiex ġiet identifikata l-persuna li allegatament wettqet dan ir-reat u ġiet
arrestata lbieraħ filgħodu. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta ta’ nofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak.