It-Tlieta filgħaxija tlaqqgħu l-Grupp Parlamentari u l-Eżekuttiv tal-Labour biex ġew deċiżi d-distretti li se jċedu dawk id-Deputati Laburisti eletti minn żewġ distretti elettorali. Il-laqgħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bdiet għall-ħabta tas-6.30pm.
Il-Kandidati Laburisti eletti fuq żewġ distretti kienu Robert Abela, Ian Borg, Michael Falzon, Clifton Grima, Silvio Schembri, Clyde Caruana, Owen Bonnici, Miriam Dalli u Chris Fearne.
Kif żvela NET News, kien vot sigriet li ddeċieda d-distretti li ċedew dawn il-Kandidati, bil-Leader, li ġie elett mit-tieni u l-ħames distrett, iċedi l-5 distrett.
Min-naħa tiegħu, Chris Fearne ċeda r-raba’ distrett, filwaqt li Clyde Caruana ċeda t-tieni distrett u Owen Bonnici ċeda t-tielet distrett.
Ian Borg ċeda s-sitt distrett, Silvio Schembri ċeda s-seba’ distrett, Clifton Grima u Michael Falzon ċedew id-disa’ distrett, filwaqt li Miriam Dalli ċediet il-ħdax-il distrett.
Minħabba li din il-manuvra wasslet biex fuq id-disa’ distrett ikunu vakati żewġ siġġijiet, u l-Kandidati kollha tad-distrett spiċċaw b’xi mod jew ieħor eletti, kellu jiskatta l-proċess ta’ co-option.
Għaldaqstant, Abela nnomina direttament lil Randolph Debattista, li bil-proposta tkun approvata mill-Eżekuttiv tal-Partit.