Fid-daħla tal-Belt Valletta bħalissa għaddejja wirja b’ritratti tal-vjaġġi appostoliċi f’Malta mill-Papiet fis-snin li għaddew. Din qed issir bi tħejjija għaż-żjara fostna ta’ jumejn mill-Papa Franġisku nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej.
Ir-ritratti, li jmorru lura għall-1990 meta l-Papa San Ġwann Pawlu II qal li “l-Ewropa teħtieġ ix-xhieda fidila ta’ Malta”, huma akkumpanjati minn frażijiet ewlenin li l-Papiet qalu matul iż-żjarat tagħhom f’Malta.
Il-Papa Franġisku se jkun it-tielet Papa li jżur Malta. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien ġie darbtejn, fl-1990 u fl-2001 meta għamel beati tliet Maltin, fosthom lil Ġorġ Preca, li mbagħad ġie ddikjarat qaddis fl-2007, waqt li l-Papa Benedittu XVI kien ġie Malta fl-2010.
Ir-ritratti magħżula jorbtu wkoll mat-tema tal-vjaġġ appostoliku tal-Papa Franġisku f’Malta, “ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”, meħuda minn kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli, u li tenfasizza l-qagħda tal-migranti li qed jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa kif ukoll tippromwovi x-xandir tal-Kelma tal-Mulej fil-pajjiż.
It-tema tfakkar ukoll fil-merħba mill-qalb li l-Maltin taw lil San Pawl fis-sena 60 Q.K., meta l-vapur li kien fuqu tfarrak u sab ruħu fuq il-Gżejjer Maltin. It-tema għandha sinifikat akbar bl-influssi riċenti ta’ migranti Ukreni lejn l-Ewropa.