Sport Sport Ieħor

Bormla rebbieħa tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu għat-13-il darba … jirbħu wkoll Kategorija B

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

Waranofsinhar fil-Port il-Kbir irritornat ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu. L-aħħar edizzjoni saret fl-2019 hekk kif fl-aħħar sentejn ma saritx minħabba l-miżuri marbuta mal-Covid-19 imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Is-sena l-oħra kienet diżappuntanti għal dan l-isport hekk kif ma saret l-ebda tellieqa kompetittiva nkluż ir-Regatta ta’ taħt it-18-il sena.

Ħarsa lejn it-tlielaq kollha

Tellieqa tan-nisa – Frejgatini

Il-Birgu komplew jiddominaw it-tellieqa inawgurali tal-Frejgatini tan-nisa, tellieqa li bdiet kważi 45 minuta tard mill-ħin skedat. Il-koppja Shazel Grima u Glynnis Mizzi għelbu l-isfida tal-Kalkara, Bormla u l-Isla b’qadfa konsistenti. Huma rebħu f’seba’ minuti u 27 sekonda biex il-Ġirbin żiedu mar-rebħiet ta’ Jum il-Vitorja fl-2020 u ż-żewġ tlielaq tal-2019.

Riżultat – 1. Birgu, 2. Kalkara, 3. Bormla, 4. Isla

L-ewwel tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’żewġ imqadef

Permezz tal-koppja Charvon Gatt u Cleaven Falzon, Bormla rebħu l-ewwel tellieqa ta’ Kategorija B. Huma ddominaw it-tellieqa hekk kif aktar ma beda jgħaddi l-ħin, Bormla bdew jaqtgħu lill-avversarji tagħhom u kkontrollaw it-tellieqa mingħajr diffikultà. Il-Birgu permezz ta’ Luke Ciantar u Owen Galea daħlu b’mod komdu fit-tieni post filwaqt li l-Isla għelbu l-isfida tal-Kalkara u kisbu s-sitt punti tat-tielet post.

Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Birgu 12-il punt, 3. Isla 6 punti

It-tieni tellieqa – Kategorija A – Tal-Midalji

L-ewwel kolp fil-Kategorija A għall-klabb tal-Isla. Permezz ta’ Redeemer Rapa, Glenn Zammit, Russell Bugeja u Andrè Gauci kisbu l-ewwel post f’ħin tajjeb ħafna ta’ erba’ minuti u 52 sekonda. Il-Birgu kisbu t-tieni post

L-akbar telliefa f’din it-tellieqa kienu Bormla li minkejja l-ekwipaġġ b’saħħtu magħmul minn Kieran Zammit, George Frendo, Clayton Darmanin u Jurgen Camilleri nqatgħu waqt it-tellieqa minħabba li jidher li ġew skwalifikat wara inċident mal-Kalkara.

Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Birgu 12-il punt, 3. Birżebbuġa 6 punti

It-tielet tellieqa – Kategorija B – Kajjiki

Cayvon Gatt u Ericsen Lia taw l-ewwel rebħa lis-Sengleani fil-Kategorija B tal-Kajjikki. Huma għelbu d-dwell mal-koppja ta’ Marsamxett magħmula minn Mel Magro u Shylon Gauci f’taqtigħa interessanti. Gatt u Lia temmew it-tellieqa f’sitt minuti u 48 sekonda.

Riżultat – 1. Isla 12-il punt, 2. Marsamxett 8 punti, 3. Birgu 4 punti

Ir-raba’ tellieqa Kategorija A – Frejgatini

Rebħa importanti għat-tim tal-Kalkara. Permezz ta’ qadfa mill-aqwa, il-koppja Clyde Mizzi u Davison Micallef taw it-12-il punt lill-klabb tal-Kalkara f’ħin ta’ 6 minuti u 54 sekonda. Kieran Zammit u George Frendo reġgħu spiċċaw it-tieni għal Bormla, bl-Isla jidħlu t-tielet eżatt qabel Birżebbuġa.

Riżultat – 1. Kalkara 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Isla 4 punti

Il-ħames tellieqa – Kategorija B – Tal-Midalji

It-tieni rebħa għal Bormla f’Kategorija B. Permezz tal-qaddiefa Dusty Cassar, Charvon Gatt, Cleaven Falzon, Yannick Pace huma rebħu f’erba’ minuti u 59 sekonda u b’hekk saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika. L-Isla rnexxielha takkwista t-tieni post, ftit sekondi qabel il-Birgu.

Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Birgu 6 punti

Is-sitt tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass ta’ bit-Tnejn

Il-koppja Clive Casha u Dennis Thornton żammew mal-aspettattiva u komplew is-serje ta’ rebħiet konsekuttivi f’din it-tellieqa. Huma kellhom tellieqa konsistenti u kienu fuq quddiem tul it-tellieqa. Mhux bogħod ħafna minnhom daħlu l-koppja Juan Farrugia u Peter Cremona ta’ Marsamxett, bil-qaddiefa ta’ Birgu jidħlu qabel Birżebbuġa.

Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Marsamxett 12-il punt, 3. Birgu 6 punti

Is-seba’ tellieqa – Kategorija B – Frejgatini

F’dik li kienet żgur waħda mill-aħjar tlielaq fil-ġurnata, Bormla ħarġu rebbieħa f’taqtigħa missielta bejn erba’ Frejgatini. Il-koppja Dusty Cassar u Elton Azzopardi waqqfu l-arloġġ f’seba’ minuti u 14-il sekonda qabel Marsamxett tal-veteran Gino Viacava u Mel Magro. Il-Birgu għaddew bi ftit lill-koppja tal-Isla.

Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Marsamxett 8 punti, 3. Birgu 4 punti

It-tmien tellieqa – Kategorija A – Kajjikki

Maximilian Mamo u Romario Brignone ta’ Bormla għelbu l-isfida ta’ Christian Camilleri u Nigel Sant tal-Isla f’sitt minuti u 26 sekonda. B’din ir-rebħa, Bormla komplew jersqu viċin li jirbħu wkoll ix-Shield f’Kategorija A. Il-Birgu rnexxielhom jidħlu fit-tielet post, bil-kajjikk ta’ Marsamxett jaqta’ lura fl-aħħar parti wara li kienu mal-ewwel tnejn.

Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Birgu 4 punti

Id-disa’ tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’Erbgħa

Din it-tellieqa mmarkat uffiċjalment ir-rebħ ta’ Bormla fil-Kategorija B. Il-qaddiefa Elton Azzopardi, Charvon Gatt, Cleaven Falzon u Yannick Pace kisbu rebħa meritata hekk kif kienu fuq quddiem għal ħafna mit-tellieqa. Sfida tajba mill-Birgu li tal-anqas irnexxielhom iżommu t-tieni post, eżatt qabel l-Isla.

Riżultat – 1. Bormla 24 punt, 2. Birgu 16-il punt, 3. Isla 8 punti

L-għaxar tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass b’Erbgħa

Bormla assiguraw mir-rebħ tal-Kategorija A. Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton, Jurgen Camilleri spiċċaw l-ewwel f’ħames minuti u 28 sekonda. Huma għelbu lill-qaddiefa tal-Birgu u Birżebbuġa f’taqtigħa sabiħa bejn dawn it-tliet klabbs.

Riżultat – 1. Bormla 24 punt, 2. Birgu 16-il punt, 3. Birżebbuġa 8 punti

Klassifika Finali ta’ Kategorija A

Bormla 64 punt, Birgu 38 punt, Isla 32 punt, Birżebbuġa 14-il punt, Kalkara 12-il punt, Marsamxett 12-il punt

Klassifika Finali ta’ Kategorija B

Bormla 76 punt, Birgu 42 punt, Isla 38 punt, Marsamxett 16-il punt