Lokali

Aktar dettalji dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Għawdex

Kif tħabbar fl-24 ta’ Frar li għadda mis-Sala Stampa tal-Vatikan, waqt iż-Żjara tal-Papa Franġisku f’Għawdex bħala parti mis-36 Vjaġġ Appostoliku tiegħu, hu se jkun qed imexxi Laqgħa ta’ Talb fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, li tibda fil-5:30pm.

Qabel tibda l-laqgħa fuq barra, il-Papa sa jitlob fis-skiet quddiem il-kwadru fil-Kappella tal-Madonna u jgħid it-tliet Avemarijiet li rrakkomandat il-Madonna Ta’ Pinu lil Karmni Grima meta sejħitilha fl-1883, f’ġieħ it-tlett ijiem li l-ġisem qaddis tagħha dam fil-qabar qabel it-Tlugħ fis-Sema. Wara, hu joffri lill-Madonna l-omaġġ tal-Warda tad-Deheb.

Il-Papa jħalli l-Port il-Kbir lejn Għawdex fl-3:50pm fuq il-katamaran Maria Dolores li jwasslu fil-Port tal-Imġarr fil-5pm. Iħalli Għawdex bil-vapur fis-6:45pm u jasal fil-Port taċ-Ċirkewwa fis-7:30pm. Ir-rotta mill-Imġarr sal-Għarb bil-karozza u l-popemobile tgħaddi mit-triq prinċipali lejn il-Belt Victoria.

Iż-Żjara tal-Papa Franġisku fil-Gżejjer Maltin u partikularment f’Għawdex hi mistennija, wara li kienet tħassret minħabba l-imxija tal-Covid-19 sentejn ilu. Il-Papa Franġisku se jkun qed jimxi fuq il-passi taż-żewġ predeċessuri tiegħu u jagħti qima lil Sidtna Marija Ta’ Pinu, Omm il-poplu Malti u Għawdxi u ‘Sultana tal-Familja’.