Internazzjonali

Il-ġuri ta’ Khashoggi jista’ jinstama’ fl-Arabja Sawdija

Jamal Khashoggi

Prosekutur fit-Turkija talab biex qorti ta’ Istanbul twaqqaf il-ġuri ta’ 26 suspettat mill-Arabja Sawdija li qed ikunu proċessati fl-assenza tagħhom dwar il-qtil, fl-2018, tal-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi.

Khashoggi, li kien ibbażat l-Istati Uniti, kien kritiku kbir tal-Gvern tal-Arabja Sawdija, bl-indikazzjonijiet kollha qed juru li hu spiċċa maqtul fil-konsulat tas-Sawdi f’Istanbul fejn hu kien mar biex jiġbor xi dokumenti.

Issa, il-prosekutur fit-Turkija qed jgħid li l-każ għandu jkun ittrasferit lejn l-Arabja Sawdija, bil-qorti ta’ Istanbul mistennija titlob lill-Ministeru tal-Ġustizzja Tork biex jiddeċiedi dwar din it-talba. Dan meta s-smigħ li jmiss dwar il-każ tal-ġurnalista maqtul għandu jsir fis-7 ta’ April.

Is-26 uffiċjali Sawdi qed jiffaċċjaw akkużi dwar qtil premeditit u talli pruvaw jeqirdu l-provi tal-każ.

U għalkemm l-Arabja Sawdija qed tgħid li Khashoggi spiċċa maqtul minn aġenti li ma kenux qed jaħdmu bil-kunsens tal-Istat, l-investigatur  tan-Nazzjonijiet Uniti, Agnes Callamard, ikkonkludiet li l-ġurnalista spiċċa l-vittma ta’ qtil premeditat u li hemm provi kredibbli li numru ta’ uffiċjali ewlenin Sawdi – inkluż il-Prinċep Mohammed bin Salman — kienu invluti fl-omiċidju.

Dan meta Salman għadu jiċħad għal kwalunkwe ħtija fil-qtil tal-ġurnalist Khashoggi.