Il-Gvern tal-Ukrajna qed jibgħat l-għexieren ta’ xarabanks għaċ-ċivili residenti f’Mariupol li ilhom il-ġimgħat ibatu l-agħar effetti tal-bumbardamenti bla heda mill-qawwiet tar-Russja li nvadew l-artijiet Ukreni fl-24 ta’ Frar.
Iżda minkejja t-tamiet ġodda li l-Ukreni se jirnexxilhom joħorġu lil dawn iċ-ċivili minn Mariupolhemm ukoll xettiċiżmu dwar kemm ir-Russi se jirrispettaw ftehim għal waqfien mill-ġlied għal dik il-belt u l-madwar u li hu effettiv għal 24 siegħa.
Qed isiru wkoll l-isforzi ddisprati biex l-għajnuna umanitarja, sa fl-aħħar, tasal liċ-ċivili f’Mariupol. Dan meta l-belt partikulari saret simbolu għad-dmija kontinwa tal-gwerra bla sens li l-Kremlin iddikjara fuq l-Ukrajna mingħajr l-ebda provokazzjoni….Gwerra li ssarrfet fil-mijiet ta’ mejtin – inklużi nisa u tfal – f’Mariupol u diversi bliet Ukreni oħra.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qal li lest imexxi missjoni ta’ fejda f’Mariupol dment li l-Ukreni u r-Russi jaqblu dwar il-kundizzjonijiet preċiżi li jgħinu għall-ħidma umanitarja.
Sadanittant, il-qawwiet Russi baqgħu għaddejjin bil-bumbardamenti fil-madwar ta’ Kiev u Chernihiv, minkejja l-istqarrijiet ta’ Moska li s-suldati tal-Kremlin kienu se jnaqqsu l-azzjonijiet militari f’dawk ir-reġjuni.
//= $special ?>