Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Qed jaħbu d-disfatti militari lil Putin’

Sir Jeremy Fleming, li jmexxi l-aġenzija tas-servizzi sigrieti Britannika GCHQ, insista li l-konsulenti ta’ Vladimir Putin mhumiex jgħidulu l-verità dwar il-militar tiegħu li qed isofri ‘disfatta wara l-oħra’ fl-Ukrajna.

Fl-istess ħin, il-White House ta’ Washington qal li għandu informazzjoni sigrieta dwar ‘it-tensjoni kbira’ li nibtet bejn Vladimir Putin u l-kapijiet tal-Armata tiegħu – u b’mod partikulari mal-Ministru tad-Difiża tal-Kremlin, Sergei Shoigu, li ilu s-snin alleat kbir ta’ Putin.

Intant, qed jidher dejjem aktar li Vladimir Putin għamel ‘miskalkulazzjoni kbira’ bid-deċiżjoni li jinvadi lill-Ukrajna.

Is-servizzi tal-Istati Uniti qed jagħfsu ‘fuq dan il-fatt’ anki waqt li l-Kremlin qed jirribatti li ‘l-Amerikani ma jafu xejn dwar kif qed taħsibha t-tmexxija tar-Russja.’