Knisja Lokali

Jitħabbru aktar dettalji għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta

Dawk bid-dgħajjes imħeġġa jmorru fil-Port il-Kbir biex isellmu minn fuq il-baħar lill-Papa Franġisku

Komplew jitħabbru l-aħħar dettalji għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta li fejn se nkunu qed nilqgħuh fostna ftit tas-sigħat oħra nhar it-2 u t-3 ta’ April.

Tul konferenza tal-aħbarjiet li ttellgħat fis-sala tal-konferenzi tal-aħbrajiet apposta għal dawn il-jiem fil-lukanda Excelsior fil-Floriana, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, tenna li l-ħidma ilha għaddejja għal dawn l-aħħar sentejn, iżda sfortunatament l-imxija tal-Covid-19 tawlet l-istennija għaż-żjara tal-Papa f’Malta u f’Għawdex.

Fil-konferenza intant tħabbar il-programm għal din iż-żjara fejn sa anki komplew l-appelli biex il-poplu jattendi bi ħġaru fil-bnadi fejn se jkun qiegħed iżur il-Papa, fejn anki sar appell lid-dilettanti tal-baħar, biex jagħmlu dan permezz tad-dgħajjes tagħhom fil-Port il-Kbir.

F’Malta t-Tnejn li għadda diġà waslu numru ta’ delegati li se jkunu qed jingħaqdu permezz tal-ħidma tagħhom għal din il-miġja.

Il-Papa se jkun qed iżur fost l-oħrajn il-grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, se jżur is-santwarju tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex, l-immigranti li jinsabu f’Ħal Far, u kif ukoll se jkun qed jiċċelebra l-quddiesa fuq il-Fosos tal-Floriana.   Iż-żjara se tiġi fi tmiemha l-Ħadd filgħaxija, bil-Papa se jkun qiegħed jaqbad titjira tal-Air Malta biex jirritorna Ruma.