Internazzjonali

Ukrajna: L-azzjonijiet militari tar-Russi qed jaqgħu fil-kategorija għal reati tal-gwerra

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani qalet li l-attakki mill-qawwiet Russi fuq iz-zoni ċivili tal-Ukrajna huma ‘ta’ tħassib kbir għad-dinja’ u jistgħu jammontaw għal reati tal-gwerra.

Michelle Bachelet, waqt li preżentat l-aħħar rapporti dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, esprimiet tħassib dwar ‘l-użu persistenti ta’ splussivi u armamenti ta’ kalibru qawwi qalb ir-residenzi taċ-ċivili fl-ibliet Ukreni’.

Hi sostniet, li l-missili, il-balal tal-artillerija, ir-rokits u l-attakki mill-ajru ta-Russi qed jikkaġunaw ‘distruzzjoni kbira ta’ distretti u zoni oħra għall-popolazzjoni ċivili.’

Bachelet kompliet li l-uffiċċju tagħha waslulu ‘allegazzjonijiet kredibbli’ li l-Armata tal-Kremlin (waqt il-gwerra) anki użat il-munizzjon tat-tip ‘cluster’ kontra l-popolazzjoni ċivili Ukrena ‘għall-mill-anqas 25 darba’.

L-Uffiċċju tad-Drittijiet Umani tan-NU, sadanittant, żvela għexieren ta’ inċidenti fejn il-faċilitajiet mediċi fl-Ukrajna – fosthom talanqas 50 sptar – ġarrbu l-ħsarat sostanzjali fost il-bumbardamenti u l-attakki mill-art tar-Russi.

Filwaqt li hu ċert li nqerdu għaxra fost il-faċilitajiet mediċi, Bachelet hi konvinta li n-numru ta’ dawn għandu jkun ħafna akbar.

Hi wissiet ukoll li l-attakki indiskriminattivi huma projbiti taħt il-liġi umana internazzjonali u ‘bir-raġun’ għandhom jaqgħu fil-kategorija ta’ delitti tal-gwerra.

In-Nazzjonijiet Uniti, is-soltu, ma jisħaqx b’mod kategoriku li qed isiru r-reati tal-gwerra f’sitwazzjonijiet partikulari peress li dan jista’ biss ikun determinat minn qorti speċifika.

Iżda Michell Bachelet, issa, għażlet li titkellem ċar u tond dwar dak li għaddej fl-Ukrajna, bi stqarrija li ‘il-qerda ta’ miri ċivili u l-ammont għoli tal-vittmi fost il-poplu Ukren jindikaw sew li l-aggressur ( ir-Russja) mhux jirrispetta l-prinċipji fundamentali għall-identifikazzjoni ta’ ċivili taħt kundizzjonijiet ta’ gwerra’.