Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, hedded biex iwaqqaf il-provvisti tal-gass lill-Istati ‘ostili għal pajjiżu’ f’każ li dawn ma jħallsux għalihom bir-rubli – il-munita nazzjonali tar-Russi.
Putin fil-fatt enfasizza li x-xerrejja barranin tal-gass prodott mir-Russja ‘minn għada s-Sibt’ iridu bilfors imexxu l-kummerċ bir-rubli – u li jfisser li l-Gvernijiet tal-Punent iridu jiftħu kont mal-Bank ta’ Gazprom u jittrasferixxu l-ewro jew id-dollari għal hemmhekk.
Il-bank, imbagħad, juża dan il-kambju minn barra biex jixtri r-rubli permezz tal-borża u li ‘il quddiem jintużaw biex isir il-pagamenti dovuti.
Vladimir Putin, intant, deher f’burdata ferm aggressiva waqt li kien qed jelenka dan il-punt u fejn sostna li ‘il-Punent ilu s-snin iwettaq gwerra ekonomika kontra pajjiżu bil-għan li jtellef l-iżvilupp tar-Russja’.
Hu kompla li s-sanzjonijiet imposti fuq pajjiżu mill-Punent ‘huma l-prezz li teħtieġ tħallas ir-Russja għall-ħelsien u l-indipendenza’.
Sadanittant, Franza u l-Ġermanja huma fost il-pajjiżi li qed iħejju għal tnaqqis fil-provvisti tal-gass mir-Russja.
//= $special ?>