Lokali

Attivitajiet ta’ sport differenti għall-Parkinsons

Ftit tal-jiem oħra, id-dinja se tkun qed tfakkar il-Jum Dinji tal-Parkinsons, b’Malta se tkun qed tingħaqad ma’ pajjiżi oħra billi se tagħmel maratona ta’ 24 siegħa ta’ sport differenti.

L-isport hu meqjus bħala ta’ importanza kbira għal persuni li jbatu mill-kundizzjoni Parkinsons hekk kif il-moviment itaffi xi ftit jew wisq is-sintomi li jgħaddu minnhom ta’ kuljum.

Dan tħabbar f’attività li saret il-Ġimgħa fejn żewġ għaqdiet ingħaqdu flimkien biex itellaw dawn l-attivitajiet… attivitajiet li l-għan tagħhom hu li jqajmu iktar għarfien dwar din il-kundizzjoni.

Net News tkellem mal-moħħ wara din l-idea, Adrian Casha li qalilna aħjar dwar l-importanza tal-isports fejn tidol il-Parkinsons.

Preżenti kien hemm il-President Emeritus, Marie Louise Coleiro Preca fejn qalet li hu ta’ importanza li wieħed jgħaraf x’verament tfisser din il-kundizzjoni. Hi saħqet li l-ġenerazzjonijiet ta’ llum għandhom jaraw il-potenzjal tal-kollaborazzjoni minkejja l-element ta’ kompetizzjoni. Dan hekk kif wieħed għandu jifhem il-valur li naħsbu u ninkludu lil xulxin.

Fi tmiem l-attività, Coleiro Preca ġiet ippreżentata bi ktieb bl-isem ta’ Iċċaqlaq Nannu, Iċċaqlaq li jitkellem dwar l-isfidi li l-qraba ta’ persuni bil-Parkinsons jgħaddu minnhom, iżda liema sfidi jdawruhom f’kuraġġ kontinwu.

Membru ta’ Malta Parkinsons, Alice Peplow spjegatilna aħjar dwar l-importanza li kulħadd ikun jaf dwar din il-kundizzjoni.

Kien imsemmi kif Oliver Friggieri, minkejja l-isfidi li affaċja kawża tal-Parkinsons, baqa’ determinat li jissielet biex jibqa’ miexi ‘l quddiem… u dan seta’ jagħmlu biss bis-sapport li tawh il-qraba tiegħu.